F’temp sajfi u b’xemx tisreġ, il-Ħadd filgħodu ttellgħet it-13-il edizzjoni ta’ Festa Frawli, li ġibdet eluf ta’ nies ġewwa r-raħal tal-Imġarr.
Għal din l-attività li issa saret parti mill-kalendarju ta’ eluf ta’ Maltin, attenda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fejn kellu l-opportunità jiltaqa’ mal-bejjiegħa differenti u l-familji preżenti, partikolarment mat-tfal u ż-żgħażagħ. Preżenti kien hemm ukoll il-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, il-Koordinatur Politiku Jean Pierre Debono kif ukoll il-Kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola, Dione Borg u Frank Psaila.
Adrian Delia lltaqa’ wkoll mar-raħħala Mġarrin li kienu qed ibigħu l-frawli fejn kellu l-opportunità jifhem aħjar l-isfidi li jiltaqgħu magħhom dawn in-nies fuq il-lant tax-xogħol tagħhom.
Kienu bosta l-gabbani li ramaw b’ikel u pasti tal-frawli fil-Pjazza Mġarrija u tul it-triq ta’ quddiem il-Knisja… minn pastizzi tal-frawli sa pasti sal-ġamm u minn xarba friskanti sa liquer tal-frawli. Intramat ukoll infiorata taħt iz-zuntier bil-frawli kif ukoll kien hemm għadd ta’ tpinġijiet li saru mit-tfal ta’ bosta skejjel primarji b’rabta mal-frawli fejn ġew esebiti fuq barra tal-Iskola Primarja tal-Imġarr.
//= $special ?>