Futbol Sport

Santa Lucia jiksbu t-tielet post u jaffrontaw lil St.Andrews fil-play-off

(Ritratt: Joseph Galea)

SANTA LUCIA ……………… 6 LIJA ATHLETIC ……………….. 2

Santa Lucia: R. Caruana, J. Usuga, K. Vella, J. Suda, J.P. Teixeira Maia (N. Micallef 71’), K. Pulo (N. Spiteri 62’), J. Magri Overend, D. Vukovic, L. Diego Mosquera Segura (K. Ante Rosero 57’), L. Galea, N. Borg.

Lija: L. Bonnici, D. Scerri (N. Camilleri 87’), E. Beu, A. Borg, A. Bello Osagie, M. Clinch, G. Borg, R. Sammut (I. Borg 46’), A. Galea, C. Gauci, O. Sidibe.

Referee: Daniel Portelli

Santa Lucia riedu punt minn dan l-aħħar konfront, iżda minflok kisbu tliet punti f’rebħa impressjonanti, f’logħba li huma għalqu fl-ewwel taqsima b’erba’ gowls. Issa Santa Lucia jippruvaw l-aħħar sforz fil-play-off kontra St. Andrews fejn jittamaw li jiksbu promozzjoni storika għall-Kampjonat Premier.

Lija ħolqu l-ewwel azzjoni denja wara erba’ minuti meta kross-shot ta’ Erjon Beu ġie salvat minn Ryan Caruana.  Erba’ minuti wara Santa Lucia fetħu l-iskor meta JURGEN SUDA għeleb lil Luke Bonnici b’daqqa ta’ ras minn qagħda ideali.

Fit-13-il minuta Santa Lucia rdoppjaw meta xutt ta’ Jackson Usuga ġie salvat parzjalment minn Luke Bonnici, il-ballun wasal f’saqajn JEAN PATRICK TEIXEIRA MAIA li minn qagħda tajba spara fix-xibka. Tliet minuti wara Santa Lucia skorjaw it-tielet gowl meta f’azzjoni ta’ kontrattakk, LUIS DIEGO MOSQUERA SEGURA ħarab lid-difiza u wara li avvanza kkonkluda fix-xibka b’xutt fil-baxx.

Fit-33 minuta Lija kellhom ċans tad-deheb li fih setgħu naqqsu l-iskor meta Jurgen Suda mess il-ballun b’idu fil-kaxxa, ir-referee ordna penalty iżda x-xutt mill-11-il metru ta’ Erjon Beu għadda għoli.  Żewġ minuti wara fuq in-naħa l-oħra, Santa Lucia skorjaw ir-raba’ gowl meta LUIS DIEGO MOSQUERA SEGURA kkonkluda fix-xibka b’xutt mill-viċin wara kross ta’ Karl Pulo. Għaxar minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Santa Lucia reġgħu sabu x-xibka meta Jackson Usuga qassam lejn JEAN PATRICK TEIXEIRA MAIA u dan ikkonkluda fix-xibka b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa.

Fl-64 minuta Lija naqqsu l-iskor meta ERJON BEU rċieva pass barra l-kaxxa u wara li avvanza qabeż il-ballun minn fuq il-gowlkiper Caruana. Sitt minuti wara Santa Lucia reġgħu sabu x-xibka meta Nick Borg ikkrossja lejn KEVIN ANTE ROSERO u dan ikkonkluda fix-xibka b’xutt mill-viċin. Fis-76 minuta Lija naqqsu l-iskor meta ERJON BEU ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Dejan Vukovic, ir-referee ordna penalty li minnu l-istess plejer Albaniż ma falliex. Lejn it-tmiem, il-captain ta’ Lija Daniel Scerri kien mibdul f’dik li kienet l-aħħar karriera tiegħu bħala plejer.

Rebħa inutli għal Naxxar Lions

NAXXAR LIONS ………….. 5 MARSA ………………. 0

Naxxar: O. Borg (S. Micallef 51’), R. Mercieca, M. Fenech, A. Azzopardi, J. Ellul, C. Bugeja, A. Buhagiar, S. Nanapere, B. Essel, G. Grima (L. Bezzina 57’), O. Magri(G. Xuereb 51’).

Marsa: L. seisun, D. Farrufia, B. Cardona, B. Cassar, J. Theuma, L. Ciantar, O. Cristiani, O. Galea, I. Anyaso, E. Payo, M. Marra.

Referee: Emanuel Grech

Naxxar Lions għamlu l-parti tagħhom meta għelbu lil Marsa f’logħba mingħajr storja, iżda dan ma sewa xejn għaliex Santa Lucia mhux talli kisbu l-punt li tant riedu biex jilagħbu l-play-off, iżda kisbu rebħa kbira kontra Lija. Il-logħba kienet mingħajr storja, Naxxar kienu għal kollox dominanti, iżda ma tantx kienu konkreti quddiem il-lasta fejn anki fallew penalty, anki jekk fl-aħħar minuti ġabru ġieħhom biex kisbu rebħa kbira.

Wara 14-il minuta l-ewwel periklu serju minn naħa ta’ Naxxar fejn Nanapera niżżel tajjeb lejn Joel Ellul li x-xutt tiegħu kien salvat minn Seisun. Ħames minuti wara azzjoni simili fejn reġa’ kien Nanapere li żmarka lil JOEL ELLUL li din id-daraba ma falliex. Naxxar komplew jattakkaw u man-nofs siegħa kien Ellul li falla minn quddiem il-lasta wara azzjoni tajba fuq il-lemin. Eżatt qabel intemmet it-taqsima, Saturday Nanapere twaqqa’ minn Liam Ciantar u mill-11-il metru x-xutt tal-istess Nanapere kien salvat minn Seisun. 

Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima Naxxar skorjaw it-tieni gowl meta SATURDAY NANAPERE daħal għal pass lura ta’ difensur ta’ Marsa, qabeż lill-gowlkiper u xeħet f’xibka vojta. Fit-68 minuta Naxxar resqu qrib it-tielet gowl meta wara trijangolazzjoni tajba x-xutt ta’ Essel stampa mal-mimduda. Fl-aħħar minuti dulluvju fuq Marsa. Fl-84 minuta CAYDON BUGEJA skorja b’xutt fil-baxx, u żewġ minuti wara l-iskor sar 4-0 b’xutt bomba minn distanza notevoli ta’ AYRTON SENNA AZZOPARDI. Kien baqa’ l-ħin għaliex fis-87 minuta wasal anki l-ħames gowl b’azzjoni ta’ Nanapere li qassam lejn BENJAMIN ESSEL li skorja f’lasta vojta.

Vittoriosa kkundannati għall-play-off

SAN ĠWANN …………. 2 VITTORIOSA STARS …….. 2

San Ġwann: C. Formosa, O. Spiteri, A. Cachia, C. Stewart (A. Abela 77’), A. Borg (J.P. Attard 83’), C. Gauci, J. Tanti (J. Bowman 72’), S. Hili, G. Pace, N. Melo Ferreira, R. Oliveira

Vittoriosa: C. Cassar, C. Spiteri, P. Papadakis, L. Gauci, K. Degiorgio (A. Galea 82’), L Casha, B. Miguel Panzo (J. Ogunnupe 69’), J. Briffa, N. Ojuola, J.C. Galea, D. Tabone

Referee: Sandro Spiteri

Vittoriosa se jkollhom jilagħbu l-play-off kontra Mġarr United biex iżommu posthom f’din id-diviżjoni wara li spiċċaw fi draw ta’ 2-2 kontra San Ġwann, filwaqt li Qrendi dawru telfa f’rebħa fl-aħħar minuti biex żammew posthom. Vittoriosa kellhom l-aħjar opportunitajiet fl-ewwel parti tal-logħba b’xutt ta’ Degiorgio jgħaddi ftit barra u fil-15-il minuta opportunità għal Luca Casha li x-xutt tiegħu kien milqugħ minn Cain Formosa.

Fit-22 minuta Miguel Panzo falla minn qagħda tajba wara kross tajjeb mil-lemin ta’ Dario Tabone. Fis-26 minuta azzjoni oħra tajba ta’ Vittoriosa bix-xutt ta’ Degiorgio jgħaddi ftit barra. Fit-38 minuta Liam Gauci approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża avversarja iżda twaqqa’ fil-kaxxa mill-gowlkiper bir-referee jordna l-penalty. Mill-11-il metru x-xutt ta’ Gauci kien salvat minn Formosa iżda mir-rebound kien l-istess LIAM GAUCI li xeħet fix-xibka. Żewġ minuti wara ċans tad-deheb għal Panzo li iżda falla minn quddiem il-lasta.

Minuta mill-ftuħ tat-tieni taqsima San Ġwann kisbu d-draw b’azzjoni fuq ix-xellug u kross lejn RENAN DE OLIVEIRA li spara fis-saqaf tax-xibka. Ħames minuti wara San Ġwann dawru r-riżultat bit-tieni gowl meta CHRISTIAN STEWART dar ma’ avversarju u spara fix-xibka minn tarf il-kaxxa. Fil-71 minuta San Ġwann spiċċaw b’għaxar plejers meta Glen Pace ntwera t-tieni karta safra u Vittoriosa mill-ewwel approfittaw għaliex minuta wara NOAH OJUOLA skorja b’rovexxjata spettakolari. Fil-85 minuta kien il-goalkeeper ta’ Vittoriosa li salva r-riżultat fuq xutt mill-viċin ta’ Renan De Oliveira.

Qrendi jżommu posthom b’gowls lejn it-tmiem

ŻEJTUN CORINTHIANS …………………… 1 QRENDI ………………………. 2

Żejtun: D. Zarb, C. Giordemaina, J. Mandjeck, D. Andelkovic (J. Castano 51’), A. Carabott, A. Smeir, R. Attard (I. Rusev 67’), V. Geraskins, K. Buttigieg (R. Spiteri 77’), A. Farrugia, G. Azzopardi

Qrendi: J. Farrugia, D. Micallef, M. Farrugia, B. Bondin, M. Busuttil, D. Sammut (M. Barbara 75’), J. Spiteri (C. Caruana 51’), J.P. da Silva Vargas, C. Quaranta, K. Abela, J. Silveira da Silva (D. Martini 90’)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Qrendi skorjaw żewġ gowls lejn tmiem il-logħba biex għelbu lil Żejtun 2-1 u kisbu t-tliet punti li kellhom bżonn biex iżommu posthom fl-Ewwel Diviżjoni, minkejja li lagħbu għal ħinijiet twal bi plejer inqas.

Fl-ewwel azzjoni tagħhom fil-partita fil-25 minuta Żejtun fetħu l-iskor meta DRAGOLJUB ANDELKOVIC ikkonkluda fix-xibka minn żewġ passi bogħod wara kross ta’ Adrian Carabott.  Erba’ minuti wara Żejtun kien għoddhom irdoppjaw meta daqqa ta’ ras minn qagħda tajba ta’ Andelkovic wara kross ta’ Adam Smeir għaddiet għoli. 

Wara l-mistrieħ Qrendi ħarġu aktar determinati u fil-50 minuta free-kick insidjuż ta’ Ciro Quaranta ġie mdawwar għal korner minn Dunstan Zarb. Tmien minuti wara Żejtun setgħu faċilment irdoppjaw meta Johan Castano ġie mwaqqa’ fil-kaxxa minn Melvin Busuttil, ir-referee wera l-karta l-ħamra lid-difensur ta’ Qrendi u ordna penalty favur il-Corinthians iżda x-xutt mill-11-il metru tal-istess Castano ġie salvat minn Jeffrey Farrugia. 

Mas-siegħa logħob Qrendi kien għoddhom għamlu l-iskor indaqs meta free-kick minn tarf il-kaxxa ta’ Ciro Quaranta għadda jħakkek mal-wieqfa. Minkejja li kienu qed jilagħbu bi plejer anqas, Qrendi baqgħu jkunu perikolużi fejn fl-64 minuta free-kick ta’ Christian Caruana ġie mdawwar għal korner minn Dunstan Zarb. Fl-aħħar ħinijiet tal-partita, Qrendi żiedu l-isforzi tagħhom u fit-84 minuta huma għamlu l-iskor indaqs meta plejer ta’ Żejtun mess il-ballun b’idu fil-kaxxa, ir-referee ordna penalty li minnu CIRO QUARANTA ma falliex.  Erba’ minuti wara Qrendi saħansitra skorjaw il-gowl tar-rebħa meta JONATHAN SILVEIRA DA SILVA sab ix-xibka b’daqqa ta’ ras wara azzjoni ta’ korner.