Futbol Sport

Torino jkomplu joħolmu u jegħlbu lil Milan biex jilħquhom fil-klassifika

(Ritratt: EPA)

Torino kisbu rebħa importanti b’rebħa kontra Milan biex komplew joħolmu li jistgħu saħansitra jiksbu r-raba’ post. Rebħa wkoll importanti għal Lazio li baqgħu jittamaw li jilħqu l-istess tragward. Fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika, Genoa u Parma resqu pass ieħor lejn is-salvazzjoni.

VERONA – Parma komplew jersqu lejn il-permanenza tagħhom fis-Serie A bi draw barra minn darhom kontra Chievo li diġà huma relegati. Parma fetħu l-iskor fit-38 minuta bi free-kick ta’ Matteo Scozzarella fuq it-tieni lasta, bil-midfielder JURAJ KUCKA jkun pront u jegħleb lil Adrian Semper b’daqqa ta’ ras. Chievo ġabu d-draw meritatament fis-66 minuta b’RICCARDO MEGGIORINI jxellef tajjeb bir-ras wara kross insidjuż mix-xellug.

FROSINONE – Napoli resqu viċin lejn konferma tat-tieni post filwaqt li Frosinone huma kważi relegati. Ir-rebħa tan-Naplitani mmaturat kmieni fit-tieni taqsima hekk kif wara t-tieni gowl ikkontrollaw il-logħba. DRIES MERTENS poġġa lil Napoli fil-vantaġġ wara 19-il minuta bi free-kick b’saħħtu biex irduppjaw fid-49 minuta meta AMIN YOUNES ħabbat il-ballun ma’ Arkadiusz Milik u b’azzjoni personali għeleb lil Paolo Ghiglione.

FERRARA – Spal huma prattikament salvi wara draw ta’ 1-1 f’darhom kontra Genoa li tbiegħdu punt ieħor miż-żona tar-relegazzjoni. FELIPE poġġa lil Spal fil-vantaġġ fis-36 minuta b’daqqa ta’ ras minn azzjoni ta’ korner. Genoa ġabu d-draw fis-56 minuta b’xutt ta’ GIANLUCA LAPADULA li ħabat mal-art u qabeż lil Koray Gunter.

ĠENOVA – Lazio komplew jibnu fuq il-kwalifikazzjoni għall-finali tal-Coppa Italia hekk kif għelbu lil Sampdoria fi Stadio Marassi 2-1. FELIPE CAICEDO poġġa lil Lazio minn fuq wara tliet minuti b’azzjoni tajba fuq il-lemin u wara li daħal fil-kaxxa għeleb lil Emil Audero b’xutt fil-baxx. Lazio rduppjaw fid-19-il minuta bi kross mil-lemin isib lil FELIPE CAICEDO li b’daqqa ta’ ras preċiża għar-rokna reġa’ għeleb lil Audero. Sampdoria kellhom jilagħbu taqsima sħiħa bi plejer anqas wara li tkeċċa Gaston Ramirez, iżda fit-tieni taqsima naqqsu d-distakk meta s-solitu FABIO QUAGLIARELLA żmarka ruħu fil-kaxxa u b’opportuniżmu skorja mill-viċin.

TURIN – Torino laħqu lil Milan fil-klassifika wara li f’darhom rebħu 2-0 biex komplew ipoġġu l-pressjoni fuq Milan wara l-aħħar riżultati negattivi. Huma fetħu l-iskor fit-58 minuta meta ngħataw penalty għal fawl fil-kaxxa ta’ Franck Kessie fuq Armando Izzo. Mill-11-il metru nkariga ruħu ANDREA BELOTTI li għeleb lil Gianluigi Donnarumma b’xutt ċentrali. Milan kważi ġabu d-draw fis-67 minuta meta minn free-kick daħal tajjeb Tiemoue Bakayoko li b’daqqa ta’ ras mid-distanza għeleb lil Salvatore Sirigu iżda ġie mċaħħad mill-mimduda. Iżda fl-attakk susswegwenti, Torino rduppjaw b’xutt sabiħ ta’ ALEX BERENGUER. Milan spiċċaw il-logħba b’raġel anqas wara li tkeċċa l-captain Alessio Romagnoli fil-81 minuta.