Lokali

15-il sena fl-UE – Għada fid-21:00 dokumentarju fuq Net TV

Nhar l-Erbgha l-1 ta’ Mejju huwa l-15-il anniversarju minn meta Malta saret Membru tal-Unjoni Ewropea. 

F’din l-okkażjoni għada fid-21:00 fuq Net Television ser jixxandar dokumentarju speċjali dwar il-15-il sena mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea – “Wettaqna l-Viżjoni – 15-il sena Malta fl-Unjoni Ewropea”.

Id-dokumentarju jiġbor fih filmati memorabbli tal-kampanja ta’ informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea, ir-Referendum tal-UE, l-elezzjonijiet, mass meetings, diskorsi, l-iffirmar tat-trattat u fuq kollox iċ-ċelebrazzjonijiet tad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-1 ta’ Mejju 2004 li saru fil-Port il-Kbir.

Fid-dokumentarju bi produzzjoni ta’ Fabian Demicoli jitkellmu l-protagonisti fil-mixja ta’ Malta lejn is-sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dawk intervistati jitkellmu dwar dak li għexu mill-qrib u l-esperjenzi li ma jinsew qatt.

Segwi silta mid-dokumentarju li ser jixxandar għall-ewwel darba nhar it-Tlieta fid-21:00 fuq Net Television

Permezz tad-dokumentarju ser nerġgħu ngħixu l-mixja li beda l-Partit Nazzjonalista sa mis-snin sittin u kompliet bl-applikazzjoni ta’ Malta fl-1990, il-mixja twaqqfet fl-1996 mill-Partit Soċjalista li kien jopponi bil-qawwa kollha s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, sakemm ftit xhur wara, meta l-Partit Nazzjonalista reġa’ rebaħ l-elezzjoni ġenerali tal-1998, kompla fejn kien waqaf u wassal għar-referendum li fih il-poplu Malti vvota favur is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, imma l-Partit Laburista m’aċċettax ir-riżultat u dan wassal biex kollox kien determinat fl-elezzjoni ġenerali tal-2003.

Id-dokumentarju jibda fid-21:00 fuq Net Television u tista’ ssegwih fuq net.com.mt jew net on demand.