Futbol Sport

Atalanta waħedhom fir-raba’ post

(Ritratt: EPA)
Fiorentina megħluba f'darhom minn Sassuolo

Atalanta telgħu waħedhom fir-raba’ post tal-klassifika, punt fuq Roma u tlieta fuq Torino u Milan meta għelbu lil Udinese 2-0 fi Stadio Atleti Azzurri d’Italia u komplew jersqu lejn il-ħolma li jikkwalifikaw għall-edizzjoni li jmiss taċ-Champions League.

Iż-żewġ gowls ta’ Atalanta waslu lejn it-tmiem. Kien fit-82 minuta meta ngħataw penalty għal fawl fil-kaxxa fuq Andrea Masiello. Mill-penalty inkariga ruħu MARTEN DE ROON li bi preċiżjoni għeleb lil Juan Musso. Huma għalqu l-logħba tliet minuti wara meta Duvan Zapata niżżel lejn MARIO PASALIC li b’xutt li kien imxellef skorja t-tieni gowl.

Fil-logħba l-oħra, Fiorentina kienu megħluba fi Stadio Artemio Franchi minn Sassuolo 1-0. B’dan ir-riżultat, Sassuolo qabżu lill-istess Fiorentina, f’dak li qed ikompli jiżviluppa bħala staġun deludenti għal Viola. Il-gowl li spiċċa ddeċieda l-konfront wara 37 minuta b’xutt minn pożizzjoni ċentrali ta’ DOMENICO BERARDI minn fuq il-linja tal-kaxxa l-kbira li kien imxellef minn German Pezzella u qarraq b’Alban Lafont.

Tags