Wirja dominanti ta’ Dominic Thiem wasslet biex għeleb faċilment lil Daniil Medvedev fil-finali tal-Open ta’ Barcelona. L-Awstrijak rebaħ 6-4, 6-0 u kiseb it-tieni titlu tas-sena wara l-kisba ta’ Indian Wells ix-xahar l-ieħor.
Thiem li għeleb lil Roger Federer fit-titlu tal-Masters 1000, għeleb lil Rafael Nadal fis-semifinali biex sar l-ewwel tennist minbarra Novak Djokovic li għeleb lill-Ispanjol erba’ darbiet fuq it-tafal. Wara l-logħba, Thiem qal li jinsab kburi li ismu hu mnaqqax ma’ oħrajn ta’ kalibru li rebħu dan it-tournament. L-Awstrijak ċaħħad lil Nadal milli jirbaħ it-12-il titlu f’Barcelona.
Ir-Russu ta’ 23 sena beda tajjeb u rebaħ 3-0 fl-ewwel set iżda Thiem irkupra u rebaħ erba’ logħbiet konsekuttivi. Medvedev kellu bżonn trattament fi spalltu u Thiem irnexxielu jikkonkludi biex rebaħ l-ewwel set. Dominic Thiem ftit sab diffikultà fit-tieni set u għalaq il-logħba biex tul it-tournament f’Barcelona ma tilifx set. Dan kien it-13-il titlu fil-karriera għal Thiem u d-disa’ wieħed fuq it-tafal.
//= $special ?>