Futbol Sport

Dorianne Theuma tirbaħ il-Plejer tax-Xahar għal Marzu

Dorianne Theuma ta’ Hibernians rebħet l-unur tal-Plejer tax-Xahar għal Marzu. Dan ma kienx l-ewwel unur personali għal Theuma hekk kif din kienet it-tmien darba li Theuma rebħet dan l-unur li ġie ntrodott f’Ottubru tal-2012, bl-istess plejer tkun l-ewwel waħda li rebħet dan l-unur.

Il-plejer ta’ Hibernians ma għandha bżonn l-ebda introduzzjoni fil-futbol tan-nisa f’karriera mill-aqwa li bdiet fi Frar tal-1998. Hi rebħet il-Plejer tas-Sena tal-MFA tmien darbiet u kienet l-aqwa skorer fil-kampjonat tan-nisa għal seba’ darbiet. Theuma rebħet il-kampjonat għal 12-il darba, sitt darbiet in-knock-out u għaxar darbiet is-Super Cup.

F’Marzu, Theuma skorjat tliet gowls fi tliet logħbiet u għenet lil Hibernians iżommu t-tielet post f’kampjonat ftit diffiċli għalihom hekk kif inqabżu lil Mġarr United. Theuma hi waħda mill-veterani fit-tim u qed tgħin ukoll lit-tim fis-settur tekniku.

Il-Kap Eżekuttiv tal-PR u Marketing tal-Bank of Valletta Charles Azzopardi ppreżentat t-trofew lil Dorianne Theuma.