Basketball Sport

Gżira Athleta pass bogħod mir-rebħ tal-kampjonat

(Ritratt: James Galea)

GŻIRA ATHLETA…….. 90 HIBERNIANS……………. 73

(17-10, 24-17, 24-16, 24-30)

Gżira Athleta: N. Vasovic, C. Crossland (27), P. Shoults (2), L. Stefanovic, A. Pemnerecic, N. Xuereb (3), M. Gouder (9), V. Pace (29), T. Thompson (12), J. Gauity (12)

Hibernians: R. Vella (3), P. Attard, K. Sultana, L. Farrugia, M. Formosa, L. Bonett (3), L. Tardito (37), A. Axiaq (3), A. Lizuar (9), I. Demarcen (4), C. Cuschieri Patus (12)

Referees: B. Vassallo, T. Mantre, K. Harisha

Gżira Athleta jinsabu pass bogħod mir-rebħ tal-kampjonat wara li kisbu t-tieni finali tal-play-off minn possibbiltà ta’ ħamsa. It-tielet logħba tintlagħab l-Erbgħa li ġej.

Il-logħba ma kelliex l-andament tal-ewwel konfront għaliex Hibernians ma kellhomx plejers fil-forma u aktar ma għadda l-ħin kienu nervużi, tant li l-bank ta’ Hibernians ingħata tliet technical fawls minbarra oħrajn fuq il-plejers. Minkejja diversi deċiżjonijiet mir-referees li qajmu protesti minn Hibernians, dan ma għandux ikun skuża għall-wirja deludenti tagħhom.

Wara bidu kwiet, Athleta mmexxija minn Vincent Pace, ħadu vantaġġ żgħir li kkontrollawh sa tmiem l-ewwel sessjoni. Bir-reazzjoni ta’ Hibernians ma tasalx, Gżira ħadu vantaġġ mill-preċiżjoni fqira tal-avversarji u kabbru l-vantaġġ għal 15-il punt, kif ukoll daħlu jistrieħu b’vantaġġ komdu ta’ 41-27.

Wara l-mistrieħ, Athleta komplew jamministraw il-logħba u bdew l-aħħar perjodu b’vantaġġ komdu ta’ 65-43. Fl-aħħar perjodu tkeċċa wkoll il-kowċ ta’ Hibernians minħabba l-fawls tekniċi, b’Athleta jikkontrollaw sat-tmiem.