Fl-aħħar jiem, il-Union of Professional Educators (UPE) laqqgħet lil-Learning Support Educators biex titfa’ dawl fuq kwistjonijiet li qed jinkwetaw bil-kbir lil-LSEs bħalissa.
Il-President tal-union, Graham Sansone, fil-preżenza ta’ numru sabiħ ta’ LSEs u fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-Malta Learning Support Association (MLSA) tkellem dwar il-piżijiet esorbitanti li ta’ kuljum LSEs ikollhom iqandlu.
F’dan ir-rigward Sansone spjega li l-job description magħmul mid-dipartiment tal-Edukazzjoni li jmur lura għall-2007 jgħid li kull sentejn, id-dipartiment tal-Edukazzjoni kellu jitlob lill-OHSA sabiex tagħmel rapport u tnaqqas jew tikkonferma dawn il-piżijiet. Sansone stqarr ma’ LSEs illi mid-dehra fi tnax-il sena lanqas rapport wieħed ma sar. Prova ta’ dan, qal Sansone, id-dipartiment qatt ma ppubblika dawn ir-rapporti kif kien dmir tiegħu, u l-LSEs baqgħu jqandlu piżijiet li m’humiex konformi anqas mas-sens komun.
Graham Sansone qal li din in-negliġenza min-naħa ta’ min kien u hu responsabbli mid-dipartiment, ikkawżat u qed tikkawża skariġġ enormi.
Sansone tkellem ukoll dwar żball li sar fl-aħħar ftehim settorjali li ħalla anomalija inkwetanti. B’dan l-iżball, LSEs li gradwaw sena qabel LSEs oħra, qed jitħallsu inqas.
Problema oħra li ssemmiet kienet li mis-sena skolastika li jmiss, studenti b’shared sapport se jitneħħilhom is-servizz tal-LSE kif inhu illum.
//= $special ?>