Basketball Sport

Hibernians jisfurzaw il-logħba deċiżiva bir-rebħ tar-raba’ finali tal-play-off

(Ritratt: Joseph Galea)

STARLITES GIG…………… 57 HIBERNIANS………………. 63

(11-9, 8-8, 14-11, 18-23, 6-12)

Il-kampjonat tan-nisa se jkun deċiż fil-ħames u l-aħħar finali tal-play-off wara li Hibernians irnexxielhom jirkupraw fl-aħħar sessjoni biex l-ewwel sfurzaw il-ħin barrani u ħadu vantaġġ mit-traskuraġni ta’ Starlites u rebħu r-raba’ logħba. Kienu Hibernians li fetħu tajjeb u marru 9-2 minn fuq iżda Starlites dawru r-riżultat sa tmiem l-ewwel perjodu. Il-logħba baqgħet bilanċjata, b’Starlites jidħlu jistrieħu żewġ punti vantaġġ.

Lejn nofs it-tielet sessjoni, Starlites marru 29-22 minn fuq, bir-reazzjoni ta’ Hibernians twassal biex bdew l-aħħar għaxar minuti bi żvantaġġ ta’ ħames punti. Il-Pawlisti dawru r-riżultat fil-bidu tal-aħħar għaxar minuti u marru 36-33 minn fuq. Starlites wieġbu tajjeb u kienu jinsabu 47-41 fil-vantaġġ, sakemm Hibernians żiedu l-isforzi u Sophie Abela sfurzat il-ħin barrani. Hibernians ħadu vantaġġ ta’ ħames punti u kkontrollawhom sat-tmiem.