“Taħt il-Gvern Soċjalista l-mara Maltija spiċċat l-agħar fl-Ewropa.”, hekk qalu l-Kelliema tal-Opppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs Claudette Buttigieg u l-Kandidata għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN.
Statistika uffiċjali fuq ix-xogħol maħruga mill-Eurostat turi għal darb’oħra li s-sitwazzjoni tal-mara f’pajjiżna hija waħda ħażina. Il-Eurostat ġibdet l-attenzjoni fuq Malta meta b’mod ċar qalet li d-differenza bejn in-numru tal-irġiel u n-numru tan-nisa jaħdmu tant hija ħażina li issa hija l-agħar fl-Ewropa. Fil-Litwanja, n-numru ta’ nisa jaħdmu huwa ta’ 76.7% meta n-numru ta’ rġiel jaħdmu huwa ta’ 79% (differenza ta’ 2.3%). Il-medja fl-Ewropa hija 67.4% (nisa) u 70.0% (irġiel), jiġifieri differenza ta’ 11.6%, iżda f’Malta, nisa li jaħdmu huwa ta’ 63.4% meta n-numru ta’ rġiel huwa ta’ 85.7%, li tfisser differenza enormi ta’ 22.3%.
Claudette Buttigieg qalet li ma din id-differenza hemm ukoll id-differenza fil-pagi li wkoll kompliet tiżdied u issa telgħet għal kważi 12%. Dan ifisser li meta raġel Malti jaqla’ €100 mara Maltija (għall-istess xogħol jew fl-istess livell) taqla €88. Hemm każijiet fejn din id-differenza tkompli tispara ‘l fuq bħal pereżempju fl-accountancy fejn id-differenza hija ta’ 20%. Hija qalet li l-Gvern Soċjalista juża slogans bħall-aqwa fl-Ewropa u l-aktar Gvern femminista fl-istorja ta’ pajjizna, iżda l-fatti juru b’mod ċar li fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel il-mara Maltija hija fost l-agħar fl-Ewropa.
Roselyn Borg Knight qalet li rapporti internazzjonali jikkonfermaw kif l-ugwaljanza f’Malta sejra lura taħt Gvern Soċjalista u dan jidher biċ-ċar ukoll fl-World Economic Forum Global Gender Gap Report, fir-Report on Equality between Women & Men in the EU u l-Pension and Adequacy Report. Dawn ir-rapporti jikkonkludu fost l-oħrajn li l-pensjoni tan-nisa hija 44.8% dik tal-irġiel, li jfisser li meta raġel jirċievi pensjoni ta’ €100, mara tirċievi €55.20, juru wkoll li morna lura fl-oqsma essenzjali tal-ugwaljanza dan meta Malta marret lura mill-84 post (fl-2013) għall-91 post (fl-2018) fost 149 pajjiż.
Claudette Buttigieg u Roselyn Borg Knight qalu li d-direttivi l-ġodda Ewropej li fuqhom ħadmu MEPs tal-Partit Nazzjonalista fosthom il-work life balance u dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol għandhom iservu bħala katalist biex nindirizzaw l-ingwaljanza bejn is-sessi. Il-manifest elettorali tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew jinkludi proposta konkreta li l-MEPs li se jiġu eletti għall-PN se jaħdmu f’Malta u fl-Ewropa biex inwaqqfu ‘l waqa’ l-isfel fil-kejl internazzjonali fl-ugwaljanza tal-mara biex il-mara ssib postha f’kull livell tas-soċjetà.
Il-Partit Nazzjonalista huwa mħasseb ferm fuq l-effett dirett li dawn id-diskrepanzi qed ikollhom fuq il-ħajja tan-nisa Maltin u tal-familji tagħhom. B’inqas nisa jaħdmu u b’pagi iktar baxxi qed tbati s-soċjetà tal-lum iżda se tbati ukoll dik ta’ għada, għaliex din id-diskriminazzjoni se twassal għal pensjonijiet iktar baxxi għan-nisa u iktar piż fuq il-familji u s-socjetà tagħna.
Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Claudette Buttigieg u l-Kandidata għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roselyn Borg Knight kien hemm preżenti wkoll il-kandidata għall-elezzjoni lokali f’Santa Venera Courtney Farrugia, il-kandidata għall-elezzjoni lokali fl-Imġarr Onishia Muscat u l-kandidata għall-elezzjoni lokali fil-Ħamrun Louise Portelli (Tedesco).
//= $special ?>