Lokali Saħħa

Irridu masterplan Ewropew biex flimkien niġġieldu l-kanċer

Accept Analitiċi cookies to view the content.

Fassalna 30 proposta konkreta biex insaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer li se nressqu fuq livell Ewropew biex permezz ta’ masterplan Ewropew naħdmu sabiex inġibu flimkien ir-riżorsi kollha fl-Ewropa inkluż l-għerf u s-sejbiet tar-riċerkaturi biex insaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer għax nemmnu li flimkien nistgħu nsaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer.

Hekk qal il-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech waqt żjara fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija. Francis Zammit Dimech, li hu membru tal-grupp ta’ Membri Parlamentari Ewropej kontra l-Kanċer, qal li dan il-pjan jinkludi strateġija Ewropea biex intejbu b’mod qawwi l-prevenzjoni, strateġija biex intejbu dijanjosi tal-kanċer fi stadju bikri, investiment kbir fir-riċerka tal-kanċer inkluż dak li jolqot lit-tfal, niffaċilitaw skambju ta’ informazzjoni bejn ċentri għar-riċerka u tas-saħħa madwar l-Ewropa billi nagħmlu użu mill-għodda diġitali filwaqt li nassiguraw privatezza tal-pazjenti, naċċertaw l-ogħla livell fiċ-ċentri tal-kura tal-kanċer, u ngħinu aktar lill-pazjenti kemm waqt it-terapija kif ukoll wara li jegħlbu l-kanċer.  

Permezz tal-Unjoni Ewropea, l-Partit Nazzjonalista kien irnexxielu joffri lill-poplu Malti u Għawdxi ċentru tal-onkoloġija tal-ogħla kwalità, issa rridu nkomplu nibnu fuq dan ir-riżultat biex naħsdu aktar frott tal-isħubija fl-Unjoni Ewropea. Francis Zammit Dimech qal li flimkien nistgħu ntejbu l-ħajja tan-nies. Fil-manifest elettorali tiegħu, l-PN qed jipproponi skambju ta’ informazzjoni, titjib fil-prevenzjoni tal-kanċer permezz ta’ programmi ta’ screening, investiment akbar fir-riċerka tal-kanċer, aċċessibilità akbar tal-ehealth, li jkun assigurat kwalità tajba tal-ikel li jkun disponibbli fis-suq u li jkun hemm implimentazzjoni fil-ħin tal-iskema tal-frott u ħaxix li jitqassam b’xejn fl-iskejjel. 

F’pajjiżna hawn 2,000 każ ta’ kanċer kull sena, b’900 imwiet. Għalhekk li l-PN ħareġ bi 30 proposta konkreta sabiex insaħħu l-ġlieda kontra l-kanċer wara li sema’ lill-pazjenti, lill-qraba tagħhom, lill-professjonisti u l-għaqdiet. Fost il-proposti hemm li l-gvern jikkunsidra population based screening tal-kanċer tal-prostata u li jkun hemm reġistri tal-kanċer estensivi u skambju ta’ informazzjoni bejn membri stati tal-Unjoni Ewropea biex jittieħdu azzjonijiet ibbażati fuq informazzjoni vasta mill-policy makers, riċerkaturi u professjonisti tas-saħħa. 

Jakkumpanjaw lill-MEP Francis Zammit Dimech waqt din iż-żjara fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija kien hemm ukoll il-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Ħ’Attard Alexander Mangion, il-kandidat għall-elezzjoni lokali f’B’Kara John Mizzi, il-kandidat għall-elezzjoni lokali fir-Rabat Ian Vassallo u l-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Santa Venera Kevin Zammit. Huma irringrazzjaw lill-istaff u l-professjonisti għad-dedikazzjoni tagħhom. Waqt iż-żjara Francis Zammit Dimech iltaqa’ mal-pazjenti u l-qraba tagħhom.