Lokali Unjoni Ewropea

Muscat ma jgħidx jekk hux se jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Sant

Il-Prim Ministru Joseph Muscat mhux lest li jieħu azzjoni kontra l-MEP tiegħu Alfred Sant, wara li dan il-ġimgħa li għaddiet lissen l-għajta ta’ vjolenza “għajn għal għajn, sinna għal sinna”.

Mistoqsi għal darb’ohra minn Net News jekk hux se jikkundanna dan il-kliem, il-Prim Ministru dalgħodu ħarab milli jwieġeb b’mod dirett. Anzi, kważi prova jiskolpah.

Fil-fatt, dalgħodu kien Muscat stess illi preżenta lil Sant bħala wiehed mill-kandidati tiegħu għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Il-preżentazzjoni tal-kandidati Soċjalisti saret f’Bighi, il-Kalkara.


Intant fi stqarrija, il-PN qal illi waqt it-tnedija tal-kandidati Soċjalisti għall-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħa żball għaliex naqas milli jgħid li kieku għalih u għall-Partit Soċjalista qatt ma sirna membri fl-Ewropa u Malta u l-Maltin qatt ma bbenefikaw mill-aktar minn €2 biljun f’fondi Ewropej li ġabu Gvernijiet Nazzjonalisti. “Għal Joseph Muscat l-Ewropa qatt ma kienet is-‘super favorita’ bħall-Kunsilli Lokali, u bil-kontra ta’ dak li qed jagħmel il-Gvern Soċjalista bla pjan bi shubija fl-Unjoni Ewropea l-Partit Nazzjonalista kellu viżjoni u pjan fit-tul għal pajjiżna u l-poplu Malti u Għawdxi, liema frott għadna qed ingawdu minnu sal-lum il-ġurnata”.

Dan għaliex il-Partit Nazzjonalista minn dejjem kellu foresight filwaqt li l-Partit Soċjalista għandu biss hindsight. Li kieku għaddiet ta’ Joseph Muscat, li waqt il-kampanja għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, stinka kemm felaħ biex nibqgħu barra, liż-żgħażagħ li llum se jivvutaw għall-ewwel darba kien itellifhom bosta opportunitajiet fosthom l-Erasmus u Discover EU. Il-vera prijorità għall-Partit Soċjalista hija l-korruzzjoni iżda Joseph Muscat naqas milli jitkellem dwar il-ħsara li qed issir lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna bl-għemil tal-Gvern immexxi minnu.

Minkejja rapport wieħed wara iehor minn organizzazzjonijiet internazzjonali u Ewropej, il-Gvern Soċjalista qed iwebbes rasu u jibqa’ jinjora r-rakkomandazzjonijiet li qed jagħmlulu dawn l-istituzzjonijiet.

Dan għaliex il-Gvern Soċjalista mhux veru li għandu lil Malta f’qalbu iżda għandhom lil Malta f’buthom. Huwa l-Partit Nazzjonalista li huwa l-veru difensur ta’ dak li jagħmilna Maltin u Ewropej u se jibqa’ jaħdem flimkien għal pajjiżna. Dan permezz ukoll tal-proposti konkreti fil-manifest elettorali tal-PN li l-MEPs li se jiġu eletti f’ismu se jkunu qegħdin jaħdmu fuqhom fil-Parlament Ewropew biex itejbu l-ħajja tan-nies u jassiguraw ġid għal kulħadd.