Lokali

Proposti konkreti b’risq il-Maltin u l-Għawdxin kollha

Proposti konkreti dwar l-ambjent u l-arja nadifa, il-politika onesta u l-governanza tajba … daqskemm pożizzjoni ċara favur il-ħajja mill-konċepiment, biex jieqfu l-inġustizzji fil-pensjonijiet, biex tkun miġġielda l-korruzzjoni u biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kanċer.

Dawn huma uħud mit-temi trattati fil-Pjan ta’ Hidma li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta’ Mejju li ġej. Il-proposti kienu diskussi fil-Kunsill Ġenerali Straordinarju tal-Partit, li nżamm il-Ħadd li għadda, bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.

Għax iridu soċjetà li jimpurtaha, il-Membri Parlamentari Ewropej eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista se jaħdmu fost l-oħrajn biex jiġu eliminati l-inġustizzji u l-anomaliji fil-pensjonijiet, fiwaqt li jiġġieldu kontra kull tip ta’ inġustizzja u faqar li qed jolqot lill-familji, lill-anzjani, lill-ħaddiema u liż-żgħażagħ. Barra minhekk, huma se jaraw ukoll li titwaqqaf il-waqgħa ‘l isfel fil-kejl internazzjonali fl-ugwaljanza tal-mara.

L-MEPs eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista se jaħdmu wkoll biex il-ħaddiema Maltin u Għawdxin ikollhom pagi diċenti u edukazzjoni ta’ kwalità. Hu għalhekk li se jservu ta’ Ambaxxaturi Ekonomiċi ta’ pajjiżna f’ħidma biex jinġiebu oqsma ekonomiċi ġodda u ta’ valur miżjud li ma jkunux mibnija fuq iċ-cheap labour. Jesiġu wkoll li titwettaq id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja, filwaqt li jaħdmu għal aktar kundizzjonijiet tajbin fil-postijiet tax-xogħol. Huma se jistinkaw biex jeliminaw l-ostakli preżenti li qed iżommu lin-negozji milli jisfruttaw l-opportunitajiet ta’ bejgħ online, filwaqt li jżidu l-promozzjoni tal-prodott agrikolu Malti, fost l-oħrajn.

Għax jemmnu li s-Saħħa hi kollox għall-bniedem, se jaħdmu biex ikunu aġġornati l-policies f’dan il-qasam, fosthom ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Barra minhekk, se jaraw ukoll li fost l-oħrajn, isir investiment akbar fil-qasam tar-riċerka dwar il-kanċer u anke li jsir investiment akbar fl-e-health.

Bl-għan li pajjiżna jgawdi minn Ambjent San, l-MEPs eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista se jaraw li l-leġislatura li ġejja tintuża’ biex titħaddem l-għodda Ewropea ħalli pajjiżna jkompli jimmodernizza b’aktar fondi Ewropej. Dan fost l-oħrajn billi pajjiżna ma jibqax jaqa’ lura mil-livelli ambjentali u li nkunu proattivi favur politika u programmi li jħarsu l-Ambjent, fost l-oħrajn.

Dwar l-Immigrazzjoni, se jaraw li pajjiżna jkun ġust ma’ dawk li jixirqilhom protezzjoni, filwaqt li jaħdmu biex ikun hemm solidarjetà tanġibbli bejn l-Istati Membri mal-pajjiżi fil-fruntieri esterni, bħal Malta u Għawdex. Barra minhekk, se jkunu qed jinsistu wkoll li, bi ftehim mal-pajjiżi konċernati, l-Unjoni Ewropea tiftaħ ċentri ta’ akkoljenza fil-pajjiżi viċin,
barra l-Unjoni.