Lokali

Tnejn iweġġgħu wara li karozza nqalbet fit-Triq Tal-Barrani

Żewġ persuni weġġgħu wara li kienu nvoluti f’inċident tat-traffiku fit-Triq Tal-Barrani fiż-Żejtun.

Minn informazzjoni li kiseb NET News jirriżulta li għall-ħabta tas-2.30pm, il-persuni kienu fil-karozza tat-tip Mitsubishi Colt, li għal xi raġuni, spiċċat inqalbet għal fuq is-saqaf.

Minbarra l-Pulizija, fil-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku mill-Isptar Mater Dei.

Aktarx li l-persuni, min kien qed isuq u min kien passiġġier, kellhom jinħarġu grazzi għall-intervent tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Huma ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn il-kundizzjoni tagħhom s’issa għadha mhix magħrufa.