Futbol Sport

Toto Wolff mhux se jħalli r-relazzjoni bejn Hamilton u Bottas tmur għall-agħar

Toto Wolff ammetta li l-bidu dominanti ta’ Valtteri Bottas u Lewis Hamilton tfakkru fl-aħħar rivalità bejn Hamilton u Nico Rosberg, iżda saħaq li t-tim mhux se jħalli li r-relazzjoni titmermer kif kien ġara fil-passat. Mercedes kisbu erba’ rebħiet konsekuttivi fil-bidu tal-istaġun, biż-żewġ sewwieqa jispiċċaw fl-ewwel żewġ postijiet f’kull tellieqa.

Mercedes rebħu l-kampjonat tal-kostrutturi fl-aħħar ħames staġuni iżda ma kellhomx battalja tas-sewwieqa mill-2016, wara rivalità intensa ma’ Rosberg fejn saħansitra ġieli kellhom inċidenti waqt it-tlielaq. Mercedes huma konxji biex jippruvaw jevitaw sitwazzjoni simili ma’ Bottas li qed jipprova jikseb l-ewwel kampjonat tiegħu.

“Għandek żewġ sewwieqa li għandhom l-ambizzjoni u l-abbiltà li jirbħu l-kampjonat u hi responsabbiltà tagħna flimkien magħhom li nkunu konxji tas-sitwazzjoni u niftakru li Vettel jew Leclerc jistgħu jidħlu fit-taqtigħa. Bottas li rebaħ il-Grand Prix tal-Ażerbajġan il-Ħadd, kellu dwell ma’ Hamilton fl-ewwel kantuniera tat-tellieqa. L-Ingliż qal li seta’ kien aktar aggressiv iżda ż-żewġ sewwieqa kienu kuntenti b’kemm kien ġust id-dwell.

Mistoqsi jekk ir-relazzjoni tistax tmur għall-agħar, Hamilton wieġeb li ma jafx x’se jiġri aktar tard fis-sena u żied li ma jistax jiġġudika jekk il-karattru tal-persuna jinbidilx jew le. Hamilton u Rosberg kellhom tliet battalji għar-rebħ tal-kampjonat bejn l-2014 u l-2016. It-tnejn kellhom diversi okkażjonijiet kontra xulxin fosthom fit-tlielaq ta’ Spanja u l-Awstrija fl-2016, sitwazzjonijiet li wasslu biex Mercedes irrevedew ir-regoli tagħhom biex jikkontrollaw ir-rivalità.

“Irridu nkunu konxji. Rajna relazzjonijiet li ddeterjoraw. Iż-żewġ sewwieqa jrid ikollhom ir-rispett. Aħna b’saħħitna ħafna bħala tim u mhux se nħalli relazzjoni bejn sewwieqa tonqos sal-punt li jkollha effett negattiv fuq it-tim,” qal Wolff.