Id-difensur ta’ Liverpool Virgil van Dijk rebaħ l-unur tal-PFA Plejer tas-sena għal dan l-istaġun. Van Dijk li għandu 27 sena, sar it-tielet difensur li rebaħ l-unur. Hu lagħab fil-logħbiet kollha ta’ Liverpool fil-Premier League f’dan l-istaġun u kien strumentali biex Liverpool ma sofrewx b’19-il logħba minnhom.
L-Olandiż ingħaqad ma’ Liverpool mingħand Southampton f’Jannar tas-sena l-oħra għas-somma rekord għal difensur ta’ €85 miljun. Hu ħalla impatt immedjat u f’dan l-istaġun kompla jispikka hekk kif Liverpool tilfu biss logħba fil-kampjonat kontra Manchester City f’Jannar li għadda.
“Hu diffiċli biex insib kliem. Naħseb li l-ogħla unur li tista’ tikseb bħala plejer hu li tkun ivvutat Plejer tas-sena mill-istess plejers li tilgħab kontrihom kull ġimgħa. Hi speċjali. Ninsab kburi u onorat nirċievi dan l-unur,” qal van Dijk.
Hu għeleb l-isfida ta’ sieħbu ta’ Liverpool Sadio Mane, it-trio ta’ Manchester City Raheem Sterling, Sergio Aguero u Bernardo Silva kif ukoll Eden Hazard ta’ Chelsea li kienu l-plejers l-oħra finalisti.
Sterling kien ikkunsidrat li kien l-akbar sfidant ta’ Van Dijk, bil-plejer Ingliż skorja 17-il gowl u għamel 10 assists fi 31 logħba fil-Premier League. Hu kkuntenta bl-unur taż-Żagħżugħ tas-Sena hekk kif għeleb lil Trent Alexander-Arnold ta’ Liverpool, Marcus Rashford ta’ Manchester United, Declan Rice ta’ West Ham u David Brooks ta’ Bournemouth.
//= $special ?>