Żewġ anzjani ndarbu gravi wara ħabta bejn żewġ vetturi.
L-inċident seħħ fi Triq Għar Dalam, Birżebbuġa għall-ħabta tad-9.10am.
Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li kien seħħ impatt bejn vettura tat-tip BMW 523 misjuqa minn żagħżugħ ta’ 21 sena residenti l-Kalkara u vettura tat-tip Toyota Vitz misjuqa minn persuna ta’ 80 sena residenti Birżebbuġa. Fit-Toyota kien hemm ukoll persuna ta’ 72 sena residenti Birżebbuġa wkoll.
Bid-daqqa l-karozza tal-anzjani spiċċat f’għalqa.
Aktar tard, l-anzjani ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ta’ natura gravi. Iż-żagħżugħ weġġa’ ħafif.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu u kif ukoll ambulanza li ħadet lit-tliet persuni l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.