Norman Darmanin Demajo mhux se jerġa’ jikkontesta għall-kariga ta’ President tal-MFA hekk kif ħabbar dan waqt Laqgħa tal-Kunsill tal-MFA. Darmanin Demajo kien ġie elett President tal-MFA fl-2010 meta kien għeleb l-isfida ta’ Joe Mifsud, wara kontestazzjoni missielta tliet snin qabel.
Fost il-ħidma li għamel kemm dam President, jispikkaw ix-xogħlijiet infrastrutturali li saru fil-klabbs, id-dħul finanzjarju li l-MFA kisbet matul is-snin, il-progress fiċ-Ċentru Tekniku u l-edukazzjoni tal-kowċis u t-titjib riċenti fil-komunikazzjoni. Fuq in-naħa l-oħra, kien hemm iż-żieda fil-barranin fil-Kampjonat Premier għal sebgħa u ż-żieda tat-timijiet fil-Kampjonat Premier minn għaxra għal 14-il tim.
Fl-2013, Darmanin Demajo kien rebaħ faċilment l-elezzjoni kontra Peter Fenech u minkejja li fl-2016 ma kienx ikkontestat, l-istess President tal-MFA kien talab vot ta’ fiduċja b’116-il vot favur u 18-il vot kontra.
Fl-aħħar Laqgħa Ġenerali Annwali tal-MFA fis-sajf li għadda, Darmanin Demajo kien qal li ma kienx deċiż jekk għandux jerġa’ jikkontesta u kien sostna li se jieħu d-deċiżjoni wara li jitkellem mal-klabbs u jħabbar id-deċiżjoni fil-Kunsill kif fil-fatt għamel.
Dakinhar, il-President tal-MFA kien saħaq li “jien qiegħed hawn biex inkun ta’ servizz għalikom, ma għandi l-ebda raġuni noqgħod ġurnata oħra iżjed fuq dak is-siġġu.” Hu kien żied li għandu responsabbiltà ta’ dak li seħħ għaliex dak kollu li jiġri taħt ħarstu hi responsabbiltà tiegħu. NDD kompla li hu jħoss li r-responsabbiltà trid tibqa’ fuq dak li nbena u se jagħmel dak kollu li jista’ biex dik tibqa’. Hu saħaq li l-fatt jibqa’ li l-kariga ta’ President mhux xogħol normali iżda xogħol li ma jispiċċa qatt.
Lura f’Lulju kien stqarr hekk: “Għandi l-età tiegħi u d-deċiżjoni għandha ħafna piż. Ma nistax illum ngħidilkom x’se nagħmel. Id-direzzjoni għandha tkun waħda, nisma’ intom x’għandkom x’tgħidu u b’diskussjoni flimkien inkun f’pożizzjoni aħjar x’għandi nagħmel.”
//= $special ?>