Futbol Sport

Donny van de Beek jagħti vantaġġ prezzjuż lil Ajax

Donny van de Beek jiskorja l-uniku gowl (Ritratt: EPA)

TOTTENHAM………………. 0

H. Llloris, T. Alderweireld, D. Sanchez, J. Vertonghen (M. Sissoko 39’), K. Trippier (J. Foyth 79’), V. Wanyama, C. Eriksen, D. Rose (B. Davies 79’), D. Alli, L. Moura, F. Llorente

AJAX…………………………….. 1

A. Onana, J. Veltman, M. de Ligt, D. Blind, N. Tagliafico, L. Schöne (N.Mazraoui 65’), D. van de Beek, F. de Jong, D. Neres, H. Ziyech (K. Huntelaar 87’), D. Tadic

Imwissija: N. Tagliafico 30’, J. Veltman 63’ (A)

Skorja: D. van de Beek 15’ (A)

Referee: Antonio Mateu (Spanja)

Gowl fl-ewwel kwarta ta’ Donny van de Beek ta vantaġġ prezzjuż lil Ajax b’rebħa ta’ 1-0 fuq Tottenham fit-Tottenham Hotspur Stadium. L-Olandiżi ddominaw l-ewwel taqsima iżda permezz ta’ bdil tattiku, Tottenham tjiebu u fit-tieni taqsima qasmu aktar il-logħob mal-avversarji għalkemm il-gowlkiper Andre Onana ftit kien fl-azzjoni.

Dan ir-riżultat fisser li Tottenham iridu jiskorjaw żewġ gowls biex jikkwalifikaw għall-finali u għalkemm mhix impossibbli però se tkun diffiċli għalihom jekk Ajax iżommu l-livell għoli fil-prestazzjoni tagħhom. Tottenham kellhom neqsin fosthom lil Heung-Min Son u Harry Kane żewġ plejers li ħallew vojt fl-attakk.

Ajax fetħu l-iskor wara kwarta logħob b’passaġġ preċiż ta’ Hakim Ziyech lejn DONNY VAN DE BEEK li għeleb eżatt in-nasba tal-offside fil-kaxxa u żamm il-kompożizzjoni tiegħu biex bil-kalma kollha għeleb lil Hugo Lloris. Il-gowlkiper Franċiż salva lil Tottenham fl-24 minuta fuq xutt ta’ van de Beek wara azzjoni mill-aqwa maħduma minn Ajax.

Il-manager ta’ Tottenham Mauricio Pochettino għamel bidla sfurzata fid-39 minuta iżda ħa vantaġġ mis-sitwazzjoni. Dan wara li Jan Vertonghen kien sfurzat jinbidel wara li ħabat rasu fl-arja u spiċċa biex ħareġ id-demm minn imnieħru. Hu prova jkompli iżda ftit sekondi wara li daħal lura, kellu joħroġ bl-għajnuna tal-istess mediku. Moussa Sissoko daħal minfloku, b’Tottenham jibdlu s-sistema minn tliet difensuri ċentrali għal erba’ difensuri.

Fit-tielet minuta tal-ħin miżjud, daqqa ta’ ras ta’ Toby Alderweireld spiċċat fuq il-mimduda minn free-kick, biex minuta wara Sissoko prova b’xutt minn barra l-kaxxa li minkejja li kienu b’saħħtu għadda ftit barra.

Nicolas Tagliafico mar qrib li jirdoppja fil-bidu tat-tieni taqsima b’xutt djagonali fil-baxx minn barra l-kaxxa li għadda ċentimetri barra. Tottenham wieġbu fil-51 minuta b’xutt mill-ewwel ta’ Dele Alli li kien ċentrali għal Andre Onana.

Tottenham kellhom aktar pussess ta’ ballun u Ajax ma bdew jilagħbu l-logħba tal-ewwel taqsima, iżda kienu l-Olandiżi li marru viċin fis-77 minuta meta Dusan Tadic għażel li jqassam flok jixxuttja minn pożizzjoni ċentrali u fetaħ lejn David Neres li b’xutt fil-baxx mill-ewwel qata’ lil Lloris iżda l-ballun ħabat mal-wieqfa.

Fl-aħħar kwarta tal-logħba, Tottenham għafsu aktar biex isalvaw tal-anqas draw iżda Ajax ikkontrollaw tajjeb biex se jieħdu magħhom fil-Johann Cruyff Arena vantaġġ ta’ gowl li jista’ jkun determinanti.