Il-Grand Prix tal-Italja mistennija tibqa’ fil-kalendarju tal-Formula 1 wara din is-sena, hekk kif l-organizzaturi żvelaw li ntlaħaq ftehim fi prinċipju għal kuntratt ġdid ta’ ħames snin. Monza li tinsab fuq in-naħa ta’ barra ta’ Milan, hu wieħed mill-ftit ċirkwiti li ilhom mill-ewwel kampjonat fl-1950.
Iċ-ċirkwit ta’ Monza nfetaħ għall-ewwel darba kważi mitt sena ilu. Bħalissa hu wieħed mill-ħames ċirkwiti fil-kalendarju ta’ din is-sena li fil-preżent hu bla kuntratt għas-sena d-dieħla. Iċ-ċirkwit ta’ Silverstone flimkien ma’ dawk ta’ Spanja, il-Ġermanja u l-Messiku huma ċ-ċirkwiti l-oħra fl-aħħar sena tal-kuntratt tagħhom.
Id-Direttur Maniġerjali tal-Formula 1 Ross Brawn kien qal li jkun sorpriż jekk xi ċirkwit ma jibqax fil-kalendarju, bis-sidien tal-Formula 1 jindikaw b’mod konsistenti li għandhom li jkabbru l-kalendarju. Is-sena d-dieħla diġà se jkun hemm iż-żieda tal-Grand Prix tal-Vjetnam filwaqt li teżisti possibbiltà li jirritorna l-Grand Prix tal-Olanda.
Intant, għada hu l-25 anniversarju mill-mewt ta’ Ayrton Senna, meqjus bħala wieħed mill-aqwa sewwieqa tal-Formula 1. Hu kien miet f’inċident waqt il-Grand Prix ta’ San Marino.
//= $special ?>