Lokali

Il-Kap tal-PN jisħaq li jeħtieġ inħallu pajjiż aħjar għal uliedna

Nemmen li lit-tfal tagħna rridu nuruhom biċ-ċar li rridu nħallulhom pajjiż aħjar milli missrijietna tawh lilna. U jekk irridu nagħmlu l-ġid veru lil pajjiżna, irridu naħdmu Flimkien għal Pajjiżna.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li kien il-mistieden tal-Avukat Frank Psaila waqt il-programm Iswed fuq l-Abjad, fuq NET Television.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li tal-25 ta’ Mejju hi elezzjoni biex ikunu eletti r-rappreżentanti fl-Unjoni Ewropea – bejn min dejjem emmen fl-Ewropa u min qatt ma ried ikun parti mill-Unjoni. Din mhix ġlieda bejn il-partiti iżda l-abbiltà li nġelldu l-ideat ta’ min hu kapaċi jġib l-aqwa għal pajjiżna. Għax l-Ewropa mhix xi ħaġa ‘l bogħod, iżda aħna parti mill-Ewropa u aħna l-Ewropa.

Spjega li bħala Partit Popolari, għall-Partit Nazzjonalista mhux l-Istat biss li jgħodd, iżda l-ewwel in-nies, umbagħad ir-rappreżentanti tan-nies u min jilleġisla.

L-istess fil-każ tal-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali, fejn fuq naħa qed naraw li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fihom, filwaqt li Muscat għadu sal-lum jgħid li dawn qatt ma kienu s-super favoriti tiegħu. Tant hu hekk li issa jrid ineħħi wkoll il-Kumitati Amministrattivi.

Matul il-programm, hu tratta wkoll diversi setturi li jolqtu direttament lill-Maltin u l-Għawdxin kollha, fosthom dwar l-immigrazzjoni irregolari, fejn qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li dejjem għandhom ikunu segwiti l-proċeduri biex isseħħ ġustizzja iżda wkoll għajnuna ma’ min hu fil-bżonn.

U dwar dawk li jiġu f’pajjiżna legalment, Adrian Delia kompla li l-Partit Nazzjonalista ma jistax ikun kontra min jiġi f’pajjiżna biex jaħdem legalment. Madankollu, hemm bżonn ta’ diskussjoni biex ikunu ċari l-isfidi u l-opportunitajiet, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi.

Kompla li rridu niftħu aktar is-setturi ekonomiċi tagħna ħalli jinħolqu aktar pagi tajbin u l-ekonomija ddur. Dan il-Gvern għamel bil-maqlub għax ma ħoloqx setturi ġodda, iżda ġab il-barranin biex sempliċiment inżidu l-konsum, u mingħajr pjan.

Dwar l-għoli tal-ħajja, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa kif, jekk verament pajjiżna qed igawdi minn surplus, il-konsumatur Malti u Għawdxi mhux iżid in-nefqa tiegħu jew jgħix ħajja aħjar? Min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista jrid li meta l-kejk ekonomiku jikber, kulħadd jieħu biċċa akbar.