Lokali

Il-PN jrid jassigura edukazzjoni ta’ kwalità li toffri ħiliet u pagi aħjar għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin

Pajjiżna jinsab l-aħħar fl-Ewropa fiż-żieda fil-pagi tal-ħaddiema u ma' tal-ewwel fl-early school leavers

L-istatistika Ewropea u dik tal-Gvern qed ipoġġu lil pajjiżna bħala ma’ tal-inqas li ra żidiet fil-pagi tal-ħaddiema u ma’ tal-iktar li għandu żgħażagħ li jitilqu kmieni mill-iskola. Pajjiżna jeħtieġ pjan fit-tul biex jindirizza dawn l-isfidi, hekk qalu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni Clyde Puli u l-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista lejliet Jum il-Ħaddiem.

Il-Gvern Soċjalista għandu jagħmel analiżi serja tal-pjan strateġiku għall-early school leavers, biex verament jindirizza din il-problema li tant kien jitkellem qabel meta kien fl-oppożizzjoni u li issa waqa’ fil-muta dwarha. Minkejja li l-Gvern Soċjalista wiegħed li se jagħmel lil Malta l-aqwa fl-Ewropa, f’pajjiżna għandna t-tieni l-ogħla rata ta’ early school leavers, b’wieħed minn kull sitt student ma jkomplix jistudja wara s-sekondarja.

Clyde Puli qal li l-Gvern Soċjalista qiegħed ifalli milli jindirizza bis-serjetà l-ammont ta’ studenti li mhux qed ikomplu bl-istudji tagħhom. Huwa qal li minkejja l-mira tal-Gvern Soċjalista li jnaqqas ir-rata ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola għal 10%, r-rata fl-2018 kienet ta’ 17.5%. Dan jikkuntrasta max-xejra Ewropea fejn ir-rata hija ta’ 10.6%. Il-PN qal li għaldaqstant, il-Gvern għandu jagħmel analiżi serja permezz tal-involviment tal-istakeholders tal-pjan strateġiku li kien ħejja fuq il-prevenzjoni tal-early school leavers f’Malta u jara x’miżuri ulterjuri hemm bżonn biex il-miri li saru jintlaħqu.

Din l-istatistika tkompli f’serje ta’ statistika oħra negattivi fosthom dik tal-MATSEC stess li turi wkoll li wieħed minn kull tliet studenti li twieldu fl-2002 jinsab fir-riskju li jitilqu kmieni mill-iskola. Dan għaliex ma jgħaddux minn 5 suġġetti tas-SEC.

Francis Zammit Dimech qal li l-PN jemmen li mhux biżżejjed li jonqsu l-early school leavers u li jintlaħqu l-miri Ewropej iżda huwa wkoll importanti li tiġi offruta lill-istudenti edukazzjoni tal-ogħla kwalità u li tirifletti l-ħiliet neċessarji għas-snin li ġejjin. Dan huwa kruċjali biex inkomplu nattiraw setturi ekonomiċi ġodda u ta’ valur miżjud.

Statistka oħra tal-Eurostat turi li r-rata ta’ dawk bejn it-30 u l-34 sena li għandhom edukazzjoni terzjarja hija fost l-agħar fl-Ewropa (it-tmienja mill-aħħar u agħar minnha hemm pajjiżi bħar-Rumanija u l-Bulgarija. Dan ikompli jqajjem tħassib hekk kif esperti qed jgħidu li l-ħaddiema Maltin għandu jkollhom ħiliet aħjar, jew inkella se jaffaċċjaw kompetizzjoni mill-ħaddiema barranin. Dan wara li l-Kap Eżekuttiv ta’ Jobs Plus Clyde Caruana stess qal li r-rata ta’ ħaddiema b’ħiliet baxxi f’Malta hi ta’ 38%, fost l-għola fl-Ewropa. Dan jikkonferma li l-Gvern Soċjalista m’għandu l-ebda pjan u li għal dan in-nuqqas ta’ pjan se jbatu l-ħaddiema Maltin.

Dan kollhu jikkonferma li l-early school leavers hi problema għal pajjiżna hekk kif dawn l-istudenti ma jkunux jistgħu jaspiraw għall-aqwa impjiegi b’pagi tajbin, u sfortunatament jispiċċaw fil-morsa tal-pagi baxxi jew saħansitra fiċ-cheap labour, li ħoloq il-Gvern Soċjalista. Il-Partit Nazzjonalista jrid li kull żgħażugħ u żagħżugħa jirnexxu u jimxu ‘l quddiem biex jilħqu l-milja tagħhom u jkollhom paga tajba li ttejbilhom il-kwalità tal-ħajja. Fil-manifest elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew qed iressaq bosta proposti konkreti fosthom sabiex jiġu indirizzati l-iskills gap.

Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni, l-Inklużjoni u l-Ħiliet għas-Seklu 21 Clyde Puli u l-Membru tal-Parlament Ewropew Francis Zammit Dimech kien hemm preżenti wkoll il-kandidat għall-elezzjoni lokali fis-Siġġiewi l-Profs Joseph N Grima, l-kandidat għall-elezzjoni lokali fil-Mellieħa Alfred Mifsud u l-kandidat għall-elezzjoni lokali f’Ħ’Attard Martin Musumeci.