Ambjent Lokali

Il-Politika tal-Pompi tal-Petrol tħalli tħassib u lakuni – Graffitti

Il-Moviment Graffitti jilqa’ r-reviżjoni tant mistennija tal-Fuel Service Station Policy għall-konsultazzjoni pubblika. Fi stqarrija, il-moviment qal li hu sodisfatt li l-pressjoni li għamel permezz ta’ diversi azzjonijiet diretti, bl-appoġġ ta’ ħafna organizzazzjonijiet non-governattivi oħrajn kif ukoll ta’ parti kbira mill-pubbliku ġenerali, ħalliet l-effett mixtieq: xhieda li meta l-poplu jingħaqad, tista’ tinkiseb bidla għall-aħjar.


Il-Moviment Graffitti huwa ottimist dwar il-bidliet proposti, għalkemm fl-istess waqt iżomm ċertu kawtela. L-istqarrija tkompli li hemm bosta punti li l-Moviment huwa mħasseb dwarhom u li se jkun qed iressaq fir-rispons tiegħu lill-Awtorità tal-Ippjanar (PA) matul il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika.


Graffitti jinsabu partikolarment imħassba dwar il-fatt li, għalkemm l-applikazzjonijiet pendenti għandhom jiġu deċiżi skont il-policy proposta ladarba din tidħol fis-seħħ, ma ntqal xejn dwar applikazzjonijiet li għandhom jinstemgħu fil-perjodu minn issa sakemm tiġi approvata l-policy il-ġdida. Hija illoġika l-proposta għal bidla jekk l-applikazzjonijiet li diġà ġew mitfuħa se jibqgħu jiġu deċiżi skont il-policy l-antika.

Graffitti jkompli li jistgħu jgħaddu ħafna u ħafna xhur qabel ma jidħlu dawn il-bidliet fis-seħħ; għalhekk, il-Moviment Graffitti jitlob lill-PA twaqqaf kull applikazzjoni għall-pompi tal-petrol sakemm il-policy proposta tidħol fis-seħħ.


L-abbozz tal-policy riveduta fih ħafna titjib meta mqabbel mal-policy li hemm fis-seħħ bħalissa fejn l-opportunitajiet għat-teħid ta’ art ODZ huma ħafna aktar limitati.
L-istqarrija tkompli li l–policy proposta ma titlob ebda limitu fuq il-qies u l-ebda distanza minima bejn pompa u oħra, inkluż dawk li jkunu fl-hekk imsejħa Areas of Containment.


Il-Moviment Graffitti jisħaq li l-pompi tal-petrol għandu jkollhom qies limitat, filwaqt li attivitajiet kummerċjali oħrajn li għandhom x’jaqsmu mas-servizzi tal-vetturi joperaw taħt policy kummerċjali. Il-policy kurrenti kif ukoll dik proposta it-tnejn jippermettu dan l-abbuż.
Il-policy proposta se tippermetti l-aġġornament ta’ faċilitajiet għal servizzi anċillari. Dan jidher li se jagħti lok sabiex il-pompi tal-petrol ikunu jistgħu jespandu għal raġunijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mat-tqassim tal-petrol, u b’hekk tinħoloq lakuna oħra li tista’ tiġi sfruttata.  


Il-fatt li l-art ODZ tibqa’ disponibbli għall-iżvilupp, minkejja ż-żieda fir-restrizzjonijiet f’dan ir-rigward, ikompli jnaqqas il-valur tad-deżinjazzjoni tal-art ODZ. Il-Moviment Graffitti itenni li l-art ODZ għandha tibqa’ ODZ, u l-art li diġà ngħatat għall-iżvilupp m’għandhiex tibqa’ tiġi degradata iżda għandha titreġġa’ lura għall-istat naturali tagħha jew tintuża għall-agrikoltura.

Lakuna simili għal din wasslet għat-telf ta’ ħafna art ODZ għal skopijiet residenzjali; nistgħu nistennew l-istess ħaġa jekk il-policy proposta tgħaddi mingħajr emendi. F’dan il-każ, ikollna nfakkru li wieħed jista’ jieħu żball, iżda l-persistenza huwa att kriminali.


Il-Moviment Graffitti jħeġġeġ lill-pubbliku sabiex jagħti l-ħsibijiet tiegħu lill-PA tul iż-żmien tal-konsultazzjoni sabiex jingħalqu l-lakuni potenzjali u jitwaqqfu l-applikazzjonijiet kollha pendenti sakemm il-policy il-ġdida tidħol fis-seħħ. Il-Moviment ser jagħti aktar dettalji lill-pubbliku permezz tal-midja soċjali fil-ġranet li ġejjin.