Futbol Sport

Steve Borg jirbaħ il-Plejer tas-Sena tal-MFPA magħżul mill-plejers stess

Id-difensur ta’ Valletta Steve Borg rebaħ l-unur tal-Plejer tas-Sena tal-MFPA magħżul mill-plejers stess waqt is-sitt edizzjoni tal-MFPA Awards li saret fix-Xara Lodge. Hu għeleb l-isfida tad-difensur ta’ Hibernians Andrei Agius u l-midfielder ta’ Valletta Miguel Alba li kienu ż-żewġ finalisti l-oħra fl-aktar kategorija prestiġjużi tas-serata.

L-Aqwa Plejer Żagħżugħ li ġie vvutat mill-plejers stess intrebaħ minn Joseph Mbong li wkoll rebaħ l-Aqwa Attakkant Żagħżugħ. Il-gowlkiper ta’ Sliema Jake Galea rebaħ l-Aqwa Gowlkiper Żagħżugħ għat-tielet sena konsekuttiva. Juan Corbalan ta’ Gżira United rebaħ l-Aqwa Difensur Żagħżugħ u għat-tielet sena konsekuttiva wkoll Jake Grech ta’ Hibernians rebaħ l-Aqwa Midfielder Żagħżugħ.

Waqt is-serata ngħataw ukoll unuri speċjali li marru għand is-sitt plejers li lagħbu 100 logħba jew aktar mat-tim nazzjonali Malti. Dawn huma Michael Mifsud, David Carabott, Gilbert Agius, Carmel Busuttil, Roderick Briffa u Joe Brincat. Il-President Emeritu George Abela ngħata l-unur tal-MFPA Merit Award bħala rikonoxximent għax-xogħol li għamel fiż-żmien li kien President tal-MFA u l-effetti pożittivi tal-miżuri li ttieħdu f’dak iż-żmien.

Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-MFPA Carlo Mamo ta ħarsa lejn il-ħidma tal-assoċjazzjoni għat-twettiq tal-position paper li se tiskadi fi tmiem l-istaġun. Mamo ta aġġornament ukoll dwar il-punti prinċipali li se jkunu parti mill-position paper li jmiss u li bħalissa għaddejja minn proċess ta’ konsultazzjoni. Preżenti għal din is-serata kien hemm diversi plejers, kowċis u amministraturi kif ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Isport Ryan Callus.

Unuri oħra

Celino Alves rebaħ l-Aqwa Plejer tal-Futsal, Stephania Farrugia ta’ Birkirkara rebħet l-Aqwa Unur tal-Futbol tan-nisa għar-raba’ sena konsekuttiva, Ige Adeshina rebaħ l-Aqwa Plejer tal-Ewwel Diviżjoni, Trustin Farrugia Cann ġie magħżul bħala l-Aqwa Referee u Giovanni Tedesco għeleb l-isfida ta’ Stefano Sanderra u Danilo Doncic biex għall-ewwel darba rebaħ l-Aqwa Kowċ.

L-Aqwa 11 tal-MFPA

Goalkeeper: Kristijan Naumovski (Birkirkara), Right Back: Juan Corbalan (Gżira United), Difensuri Ċentrali: Andrei Agius (Hibernians), Steve Borg (Valletta), Left Back: Arthur Oyama (Floriana), Midfielders: Mislav Andelkovic (Birkirkara), Santiago Malano (Valletta), Miguel Alba (Valletta), Attakkanti: Haruna Garba (Gżira United), Mario Fontanella (Valletta), Younes Marzouk (Sliema Wanderers)

Rebbieħa tal-Aqwa Plejer tal-MFPA

2013/14      Paul Fenech

2014/15      Andrew Cohen

2015/16      Gilmar da Silva Ribeiro

2016/17      Bjorn Kristensen

2017/18      Andrew Cohen

2018/19      Steve Borg

Tags