Kyren Wilson wettaq rimonta mill-aqwa biex dawwar żvantaġġ ta’ 9-5 f’rebħa ta’ 13-11 kontra Barry Hawkins fid-dwell bejniethom fir-rawnd tal-aħħar 16 fil-Kampjonat tad-Dinja li qed isir f’Sheffield. Wilson spiċċa bi breaks ta’ 81, 125 u 132 biex rebaħ l-aħħar tliet frames u assigura postu mal-aħħar tmienja kontra s-sid numru 16 David Gilbert. Hawkins li wasal sal-finali fl-2013, kien 6-2 minn fuq fl-ewwel sessjoni, iżda ra l-vantaġġ jonqos għal 9-7 wara t-tieni sessjoni l-Ħadd filgħaxija.
F’logħba oħra, Ali Carter elimina lil Zhou Yuelong 13-9 b’rimonta mill-aqwa li fiha rkupra b’sitt frames konsekuttivi. Zhou beda 9-7 minn fuq wara li rebaħ l-ewwel sessjoni 5-3 il-Ħadd filgħodu. Carter għamel breaks ta’ 72, 72 u 55 ilbieraħ wara nofsinhar biex fil-kwarti tal-finali se jilgħab kontra Gary Wilson, li elimina lil Luca Brecel u t-tliet darbiet rebbieħ Mark Selby fi triqtu lejn l-aħħar tmienja.
Carter li tilef darbtejn il-finali kontra Ronnie O’Sullivan fl-2008 u fl-2012, kien 7-6 fil-vantaġġ, iżda Zhou rebaħ l-aħħar frames tas-sessjoni, qabel Carter rebaħ sitt frames konsekuttivi biex rebaħ il-konfront. Minbarra Kyren Wilson, David Gilbert, Ali Carter u Gary Wilson, hemm ukoll Neil Robertson u Stephen Maguire. Iż-żewġ plejers l-oħra jkunu magħrufa mill-konfronti bejn Judd Trump kontra Ding Junhui u John Higgins kontra Stuart Bingham.
//= $special ?>