Il-mudell ekonomiku tal-Gvern Soċjalista li jkabbar il-popolazzjoni bla pjan u jżid iċ-cheap labour qed jitfa lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin f’morsa doppja, fejn min-naħa għandhom għafsa ‘l isfel fuq il-pagi u min-naħa l-oħra qed jaffaċċjaw għoli tal-ħajja li dejjem tiżdied. Il-ħaddiema Maltin u Għawdxin qed jikkompetu mal-pagi baxxi flok jiksbu pagi aħjar u għoljin. Hekk qalu il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ix-Xogħol Karl Gouder u l-Kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Mercieca waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali tal-PN.
Matul konferenza tal-UĦM Voice of the Workers kien ġie rrimarkat li hawn ħaddiema barrani li saħansitra qegħdin jitħallsu €1 fis-siegħa u kif il-prekarjat hu fl-agħar livell minn qatt qabel. Dan iċ-cheap labour qed iħalli impatt ferm ħażin fuq il-pagi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Karl Gouder qal li dan ikompli jżid ukoll mal-fatt kif ikkonfermat mill-istatistika tal-Eurostat, li l-haddiema f’Malta raw l-inqas żieda fil-pagi u s-salarji fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. L-istatistika tikkonferma wkoll li l-pagi f’Malta huma inqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Huwa qal li l-ħaddiema Maltin u Għadwxin spiċċaw f’morsa doppja fejn qed jikkompetu maċ-cheap labour u fl-istess ħin kif jidher ċar mill-istatistika l-ikel u l-prodotti essenzjali qegħdin dejjem jogħlew, u dan qed ikun ta’ piż qawwi fuq il-familji speċjalment meta l-Gvern Soċjalista ta biss €2.33 għall-għoli tal-ħajja.
Michael Mercieca qal li sfortunatament f’pajjiżna hawn fost l-akbar rata fl-Ewropa ta’ ħaddiema b’ħiliet baxxi, u dan ġie kkonfermat mill-Kap Eżekuttiv ta’ Jobs Plus. Il-PN irid li tiġi indirizzata l-problema tal-iskills gap sabiex il-ħaddiema Maltin jimmiraw għal xogħol aħjar u pagi tajbin u ma jibqgħux jikkompetu mal-pagi baxxi tal-ħaddiema barranin. Huwa qal li fil-manifest elettorali l-MEPs li se jiġu eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista se jimpenjaw ruħhom li jaħdmu għal xogħol ta’ kwalità u pagi tajbin u diċenti, biex tkun implimentata d-direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja u jservu ta’ ambaxxaturi biex jattiraw lejn pajjiżna setturi ekonomiċi ġodda b’valur miżjud, li ma jkunux mibnija u bbażati fuq iċ-cheap labour.
Fil-Parlament Ewropew, permezz tal-MEPs tiegħu, l-Parit Nazzjonalista ħadmu sabiex itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u biex titwaqqaf agenzija Ewropea li se tħares l-interessi tal-ħaddiema. Dan hu ta’ interess ukoll għan-negozji Maltin biex tassigura kompetizzjoni ġusta. Ħadmu wkoll fuq id-direttiva tal-work life balance u biex jassiguraw li l-postijiet tax-xogħol ikunu nieqsa minn sustanzi li jikkawżaw il-kanċer.
Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet flimkien mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijet Industrijali Karl Gouder u l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Michael Mercieca kien hemm preżenti wkoll l-kandidat għall-elezzjoni lokali fis-Siġġiewi Alex Abela, l-kandidat għall-elezzjoni lokali fil-Belt Valletta Vince Fabri u l-kandidata għall-elezzjoni lokali fin-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami.
//= $special ?>