“Il-Partit Nazzjonalista dejjem wera fiduċja kbira fil-ħaddiema Maltin u Għawdxin. Il-Partit Nazzjonalista qiegħed jippreżenta numru ta’ proposti biex ikompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u l-familji Maltin u Għawdxin.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat mill-ġurnalist Sergio Mallia fuq NET FM fl-okkażjoni ta’ Jum il-Ħaddiem u l-15-il anniversarju mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea.
Dr Delia qal li grazzi għal Eddie Fenech Adami li ddeskriva bħala ġgant tal-politika f’Malta, llum il-ħaddiema u l-familji tagħhom jistgħu jgawdu mill-opportunitajiet kbar li ġabet magħha s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Huwa qal li filwaqt li l-Gvern Soċjalista kien kontra li pajjiżna jissieħeb fl-Unjoni Ewropea għax qatt ma kienet ‘super favorita’ bħalma mhux ‘super favoriti’ l-Kunsilli Lokali, l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-kapaċitajiet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin li jimxu ‘l quddiem u li jaħtfu l-opportunità ta’ suq kbira ta’ 500 miljun li hija l-Ewropa.
Adrian Delia qal li l-ġid li qed jinħoloq mit-tkabbir ekonomiku mhux qed jasal għand kulħadd u dan meta l-istatistika tikkonferma li f’Malta kellna l-inqas żieda fil-pagi fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u l-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti essenzjali qegħdin dejjem jiżdiedu. Huwa qal li Gvernijiet Nazzjonalisti ġabu lejn Malta setturi innovattivi bħall-avjazzjoni, l-gaming u s-servizzi finanzjarji li llum huma pilastri tal-ekonomija ta’ pajjiżna. Adrian Delia qal li l-Gvern Soċjalista m’għandux pjan fit-tul dwar liema huma s-setturi ġodda li għandu jkollna f’pajjiżna.
Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista għandu r-rieda politika li jħares l-ambjent u li jnaddaf il-pajjiżna. Dan meta l-Gvern Soċjalista mhux jilħaq il-miri ambjentali u minflok f’pajjiżna għandna l-agħar kwalità tal-arja u fir-riċiklaġġ tal-iskart. Huwa qal li l-PN jrid Malta nadifa wkoll mill-korruzzjoni u li jkollna tisħiħ tal-governanza tajba u tar-reputazzjoni. Dan meta l-Gvern Soċjalista qed jibqa’ jinjora u ma jieħux b’serjetà ir-rakkomandazzjonijiet li sarulu minn istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej biex tissaħħaħ is-saltna tad-dritt.
Il-Kap ta-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-Partit Soċjalista ffirma l-manifest tas-Soċjalisti u Demokratiċi (S&D) li ma jagħtix garanzija għall-ħajja, iżda l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiddefendi l-ħajja u d-drittijiet tat-tarbija fil-ġuf. Huwa qal li l-S&D jridu wkoll l-armonizzazzjoni tat-taxxa madwar l-Ewropa u dan b’theddida kbira għal setturi f’Malta bħas-settur tas-servizzi finanzjarji u tneħħi l-għodod li qed joħolqu l-ġid.
Adrian Delia qal li l-MEPs tal-Partit Nazzjonlista wettqu ħidma kbira fil-Parlament Ewropew fl-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin kollha fosthom b’d-direttivi għall-work life balance, għall-fruntieri, l-kundizzjonijiet tax-xogħol, postijiet tax-xogħol siguri minn sustanzi li jikkawżaw il-kanċer u biex titwaqqaf awtorità ġdida Ewropea li tħares l-interessi tal-ħaddiema. Huwa qal li l-manifest elettorali tal-PN għandu bosta proposti konkreti li l-MEPs li se jiġu eletti għall-PN se jkunu qegħdin jaħdmu fuqhom fl-aħjar interess tal-Maltin u l-Għawdxin fil-Parlament Ewropew.