Lokali

Kieku għaddiet ta’ Muscat Malta tinsab iżolata għax għalih l-UE u l-Kunsilli qatt ma kienu super favoriti

Joseph Muscat qatt ma jista’ jitwemmen meta jgħid li ‘l-unjoni mhux titkellem dwarha trid imma tgħixha’ għax li kieku għaddiet tiegħu dakinhar tar-referendum għas-sħubija llum pajjiżna jinsab iżolat għax għalih l-Ewropa qatt ma kienet ‘super favorita’.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija. Għal Joseph Muscat lanqas ma huma ‘super favoriti’ l-Kunsilli Lokali u għal dawn l-elezzjonijiet, ċaħħad il-vot lir-residenti ta’ 16-il Kumitat Amministrattiv bħalma ċaħad mill-vot lil nofs il-Maltin meta sentejn ilu ppospona l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Li kieku 15-il sena ilu għaddiet ta’ Joseph Muscat llum pajjiżna mhux membru tal-Unjoni Ewropea u liż-żgħażagħ kollha li se jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-25 ta’ Mejju kien iċaħħadhom mill-opportunitajiet kollha li l-Ewropa qed toffrilhom. Li kieku għaddiet ta’ Joseph Muscat in-negozji ż-żgħar, l-intrapriżi u l-industriji ma kienux jikbru bil-fondi Ewropej li ġab Gvern Nazzjonalista li kienu jammontaw għal €2 biljun u l-ħaddiema lanqas ma kienu jistgħu jikbru jimirħu f’suq ta’ 500 miljun. F’Jum il-Ħaddiem, Joseph Muscat baqa’ pjan kif se jgħin lill-middle class li mhux qed ilaħħqu aktar mal-għoli tal-ħajja u kif il-ħaddiema ma jispiċċawx aktar magħfusin fil-morsa doppja taċ-cheap labour u tal-prezzijiet tal-ikel u l-prodotti essenzjali dejjem jogħlew.

Alfred Sant

Dawn huma kollha diffikultajiet li l-familji Maltin u Għawdxin qegħdin jaffaċċjaw bil-politika ekonomiku tiegħu li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni bla pjan fit-tul meta sa ftit ilu kien isabbat saqajh u jgħajjat bil-pushbacks. Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li se jibqa’ għaddej b’kampanja pożittiva u mingħajr mibegħda fejn permezz tal-proposti konkreti li għandu fil-manifest elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew qed jagħti garanzija li l-MEPs li se jiġu eletti f’isem il-PN se jaħdmu fl-aħjar interess tal-poplu u tal-pajjiż.