Futbol Sport

Messi jerġa’ strumentali f’rebħa fondamentali ta’ Barcelona li kważi tpoġġihom fil-finali

(Ritratt: EPA)

BARCELONA ………………… 3

M. ter Stegen, S. Roberto (C. Alena 90’), G. Pique, C. Lenglet, J. Alba, S. Busquets, A. Vidal, I. Rakitic, P. Coutinho (N. Semedo 60’), L. Messi, L. Suarez (O. Dembele 90’)

LIVERPOOL ………………….. 0

A. Becker, J. Gomez, J. Matip, V. van Dijk, A. Robertson, Fabinho, N. Keita (J. Henderson 24’), J. Milner (D. Origi 84’), G. Wijnaldum (R. Firmino 78’), S. Mane, M. Salah

Imwissija: C. Lenglet 39’, L. Suarez 81’, J. Alba 86’ (B), Fabinho 81’ (L)

Skorjaw: L. Suarez 26’, L. Messi 75’, 82’ (B)

Referee: Bjorn Kuipers (Olanda)

Wara li kiser ir-rekord tal-aktar rebħiet individwali f’La Liga, Lionel Messi laħaq tragward ieħor personali hekk kif Barcelona għandhom sieq fil-finali b’rebħa ta’ 3-0 kontra Liverpool fil-Camp Nou. Messi skorja s-600 mal-klabb f’karriera inkredibbli. Il-captain ta’ Barcelona qed ikollu staġun ieħor mill-aqwa u t-tieni gowl li kien mill-isbaħ fisser it-48 gowl f’dan l-istaġun.

Liverpool kellhom prestazzjoni pożittiva fil-bidu tat-tieni taqsima iżda naqsu li jieħdu l-okkażjonijiet tagħhom u wara li sofrew it-tieni gowl inħasdu, b’Messi jispikka bi free-kick mill-isbaħ. Il-fatt li ma skorjawx barra minn darhom, jagħmilha diffiċli għal Liverpool li jdawru l-konfront favur tagħhom f’Anfield.

Wara sitt minuti, Liverpool appellaw għal penalty għal dak li pprotestaw li kien fawl ta’ Gerard Pique fuq Sadio Mane iżda r-referee Bjorn Kuipers ħalla l-logħob għaddej. Barcelona bdew joqogħdu aktar ma beda jgħaddi l-ħin, b’Andy Robertson ikun providenzjali biex blokka lil Lionel Messi, bl-Arġentin jappella għal penalty minħabba li l-ballun ħabat ma’ id Joel Matip, iżda Kuipers ukoll ma ordnax il-penalty.

Barcelona ħasbu li skorjaw il-gowl tal-vantaġġ fis-16-il minuta b’Philippe Coutinho jegħleb lil Alisson Becker b’xutt bix-xellug, iżda l-gowl tħasar għal offside marġinali. Daqqa ta’ ħarta għal Liverpool meta f’nofs l-ewwel taqsima weġġa’ Naby Keita wara daħla ma’ Ivan Rakitic u kellu jinbidel. Barcelona fetħu l-iskor fis-26 minuta bi kross intelliġenti fl-ispazju lejn LUIS SUAREZ li daħal bejn Joel Matip u Virgil van Dijk biex mattar siequ u antiċipa lil Alisson Becker. Dan kien l-ewwel gowl ta’ Suarez f’dan l-istaġun fiċ-Champions League.

Ċans tajjeb għal Liverpool fil-35 minuta meta s-sostitut Jordan Henderson għadda passaġġ intelliġenti lejn Sadio Mane iżda mill-kaxxa ra t-tentattiv tiegħu jgħaddi fuq il-mimduda. It-tim ta’ Klopp ħareġ tajjeb fit-tieni taqsima, b’Liverpool imorru viċin id-draw fit-48 minuta b’konklużjoni insidjuża ta’ James Milner li ġiet salvata tajjeb minn Marc-Andre ter Stegen. Il-gowlkiper Ġermaniż reġa’ spikka sitt minuti wara fuq konklużjoni ta’ Mohamed Salah, b’James Milner ikollu ċans li jġib id-draw mas-siegħa logħob mill-qrib iżda x-xutt kien ċentrali u salvat minn ter Stegen.

Barcelona rduppjaw kwarta mit-tmiem b’konklużjoni ta’ Luis Suarez li għelbet lil Becker iżda ħabtet mal-mimduda, bid-difiża ta’ Liverpool tibqa’ tħares lejn LIONEL MESSI li kien pront u żamm b’sidru biex skorja f’lasta vojta. Dan il-gowl donnu qata’ ftit ir-ritmu ta’ Liverpool, bit-tim ta’ Ernesto Valverde jiskorja t-tielet gowl fit-82 minuta f’azzjoni li Liverpool ma setgħu jagħmlu xejn. Reġa’ kien LIONEL MESSI li din id-darba nkariga ruħu bi free-kick minn madwar 30 metru u b’xutt imdawwar ma tax ċans lill-gowlkiper avversarju, bil-ballun jispiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xellug tal-lasta.

Tliet minuti wara, Liverpool setgħu skorjaw gowl importanti meta s-sostitut Roberto Firmino deher li għeleb lil ter Stegen iżda Gerard Pique biegħed minn fuq il-linja parzjalment, bil-ballun jispiċċa għand Mohamed Salah iżda mill-viċin ra l-ballun jistampa mal-wieqfa għal ċans tad-deheb mitluf. Barcelona setgħu għalqu l-logħba bir-raba’ gowl f’sitwazzjoni ta’ tlieta kontra wieħed, b’Semedo u Messi jaħdmu l-azzjoni lejn is-sostitut Ousmane Dembele iżda l-konklużjoni tiegħu spiċċat f’idejn il-gowlkiper ta’ Liverpool.