Issa li hemm Digriet minn Maġistrat li evidenza dwar l-iskandlu Panama Papers tkun priservata u investigata f’Inkjesta, Konrad Mizzi u Keith Schembri għandhom iwarrbu mill-aktar fis u jħallu l-investigazzjonijiet jieħdu l-kors tagħhom.
Din is-sejħa saret mill-ġurnal The Malta Independent, fl-Editorjal tal-ħarġa tal-Erbgħa.
Il-ġurnal qal li Konrad Mizzi u Keith Schembri messhom ilhom li rriżenjaw tliet snin ilu. Iżda minflok, huma għamlu kull mezz possibbli biex imewtu jew idewmu kull forma ta’ investigazzjoni u proċess legali.
The Malta Independent fakkar li qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Joseph Muscat kien wiegħed li ċ-Chief of Staff tiegħu jirriżenja jekk Maġistrat isib li hemm evidenza biżżejjed biex jinfetħu proċeduri kriminali.
U minkejja li dan issa ġara, l-id il-leminija u l-id ix-xellugija ta’ Muscat għadhom hemm … qisu qatt ma ġara xejn.
L-Editorjal kompla li wieħed jista’ jagħti ħafna aġġettivi lill-Prim Ministru, iżda żgur li ħadd ma jista’ jgħid li hu iblah. U għaldaqstant, lanqas hu m’għandu jibqa’ jitratta n-nies daqslikieku kienu boloh.
Bid-Digriet tat-Tnejn, Muscat ingħata opportunità tad-deheb biex jirranġa l-affarijiet wara l-ħsara li saret fl-iskandlu tal-Panama Papers, billi jkeċċi lil Schembri u lil Mizzi.
Iżda mill-attitudni u l-kummenti tal-Prim Ministru, dan ma jidhirx li se jseħħ.
Lanqas ma jidher probabbli li l-kuxjenza se tmiss lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri u jissospendu lilhom infushom biex inaddfu isimhom.
//= $special ?>