“Is-sinifikat ta’ Jum il-Ħaddiem irridu nieħduh fuq il-mejda tal-familji tagħna”. Dan qalu l-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella meta kien mistieden matul il-Breakfast Show ta’ NET Television, NET AM.
Vella qal li għad fadal xi jsir fosthom fil-prekjarjat u semma l-każ tal-barranin li qed jitħallsu bil €1.00 fis-siegħa u li tgħaddi lilhom minn aġenzija.
Hu spjega kif il-€1.00 għal dawn il-ħaddiema huwa tajjeb, għax il-pagi fil-Pakistan huma baxxi. Min-naħa l-oħra, kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll il-Liġi Maltija jitkellmu ċar dwar pagi ugwali u ġusti. Vella qal li l-Gvern qed isib toqba billi qed iġib ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea biex ikun jista’ jħallashom lil hinn minn dak li jitolbu d-direttivi Ewropej.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers qal li jekk verament aħna favur il-prinċipji Ewropej irridu nagħtu l-istess kundizzjonijijet lil kulħadd.
Hu saħaq li meta l-unions jitkellmu dwar il-ħaddiema barranain, ikunu qed jagħmlu dan biex kulħadd ikollu ‘level playingfield’ u biex il-ħaddiema kollha jkollhom ħlas ġust għal xogħolhom.
Hu qal li fil-45 sena li ilu ħaj, qatt ma jiftakar lil xi ħaddiem jitħallas 43 ċentezmu mill-antiki għal siegħa xogħol, u li din tammonta għal skjavitù moderna.
Josef Vella qal li din hi tħeddida diretta għall-ħaddiem Malti, filwaqt li fakkar kif il-Union li jmexxi dejjem għarfet li post Malta hu fl-Unjoni Ewropea.
Temm jgħid li llum, il-maġġoranza kbira tal-poplu temmen dan ukoll u tara opportunitajiet ta’ studju u taħriġ grazzi għas-sħubija ta’ pajjiżna.
//= $special ?>