Lokali

Proġett ġdid għas-Siġġiwin

Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi nieda librerija (outdoor library) bl-isem ”It-Tieqa tal-Ħsieb fiż-żona tal-bandli biswit l-outdoor gym tas-Siġġiewi.

Fl-aħħar xhur il-Kunsill Lokali investa wkoll f’bandli ġodda u manutenzjoni tal-outdoor gym. B’kollox l-investiment fiż-żona fl-aħħar xhur kienet ta’ €10,000.

Dan filwaqt li l-Kunsill Lokali applika u ġew approvati €3,000 oħra ta’ fondi minn skema  tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali biex fix-xhur li ġejjin isir ukoll manutenzjoni tar-running track u gym equipment ieħor li jeħtieġ jinbidel minħabba ħsarat. Dawn se jkunu ko-finanzjati mill-Kunsill Lokali.

Il-Ħadd li għadda, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi nieda l-librerija ”It-Tieqa tal-Ħsieb” waqt attività organizzata mil-Kunsill Lokali tas- Siġġiewi bis-sehem tal-Kunsill Lokali tat-Tfal.

Is-Sindku tas-Siġġiewi, Alessia Psaila Zammit qalet li l-investiment fl-outdoor gym, il-bandli u l-outdoor library saru bil-ħsieb li nħeġġu t-tfal jiżvillupaw l-personalità sħiħa tagħhom. Dan billi jieħdu ħsieb l-fizika tagħhom u jippartecipaw fl-isport, jizviluppaw l-intellet tagħhom permezz tal-qari waqt li jeżerċitaw d-dritt uniku tagħhom li jilgħabu.

Preżenti għat-tnedija ta’ din l-librerija kien hemm il-Kummissarju ghat-Tfal, Pauline Miceli li faħħret l-inizjattiva li l-Kunsill Lokali waqqaf Kunsill Lokali tat-Tfal waqt li ssugeriet li t-tfal jibqgħu jieħdu sehem attiv fit-tfassil ta’ proġetti u inizjattivi li jsiru fil-lokalità.

Preżenti kien hemm ukoll l-Aċcipriet il-ġdid tas-Siġġiewi, Dun Josef Mifsud; il-Kap tal-Iskola Primarja tas-Siġġiewi, Natalie Saliba u Assistant Heads; il-librara tal-Librerija Pubblika tas-Siġġiewi Antonia Aquilina; rappreżentanta tas-Siggiewi Youth Network Francine Farrugia u qraba u ħbieb ta’ Annabelle Vassallo hekk kif ngħatat kopja tal-ktieb Irrid Nghix, għal din l-librerija.

Dawk preżenti lkoll qraw silta minn ktieb li taw għall-librerija ”It-Tieqa tal-Ħsieb”, flimkien mas-Sindku, l-Kummissarju għat-Tfal u tfal li attendew.

L-attività kienet ippreżentata minn Nanna Kola li huwa karattru li nħoloq mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi wara li rebaħ premju fuq l-ambjent fl-2017.

Permezz ta’ inzjattiva ambjentali  bis-sehem tan-Nanna Kola,  t-tfal u anzjani Siġġiwin li saret ftit xhur ilu, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi reġa tħabbar bħala rebbieħ fil-Malta Waste Reduction Awards ta’ din is-sena.