Sport Sport Ieħor

Qormi u Sliema f’decider għar-rebħ tal-kampjonat

(Ritratt: Andrea Curmi)

Iċ-champions Qormi Daikin u Sliema Hotsticks se jilagħbu decider għar-rebħ tal-kampjonat wara li temmew il-kampjonat b’20 punt. Qormi Daikin għelbu lil Rabat 3-1 biex wieġbu għar-rebħa li kellhom Sliema ġimgħa qabel.

Il-gowls għal Qormi waslu minn doppjetta ta’ Steve Tanti u Juan Sarcia filwaqt li Shawn Dimech skorja għal Rabat. Fil-konfront l-ieħor, Floriana Young Stars rebħu 3-0 kontra White Hart bil-gowls jaslu minn Leo Gatt, Mark Camilleri u Jamie Mifsud.

Id-decider tal-Ħadd se tkun is-sitt darba li Qormi Daikin u Sliema Hotsticks se jilagħbu kontra xulxin f’dan l-istaġun. Bilanċ assolut bejn it-tnejn hekk kif iż-żewġ timijiet rebħu darbtejn u logħba oħra spiċċat draw.

Fiċ-Challenge Cup Qormi rebħu l-finali 4-2 wara li Sliema kienu rebħu 2-0 fil-fażi tal-gruppi. Fil-kampjonat, Qormi rebħu l-ewwel logħba 3-2, it-tieni konfront intemm 2-2, b’Sliema jirbħu t-tielet logħba 5-1. Għaldaqstant mistennija partita interessanti, bil-logħba tkompli fil-ħin barrani u eventwalment il-penalties jekk jibqgħu draw.

Kif Spiċċaw wara 12-il ġurnata:Sliema Hotsticks 20 punt, Qormi Daikin 20 punt, Floriana Young Stars 12-il punt, Rabat 8 punt, White Hart 0 punti

Tags