Barcelona jilqgħu lil Liverpool fil-Camp Nou hekk kif jittamaw li jiksbu riżultat pożittiv li jkunu jistgħu jieħdu magħhom għat-tieni leg f’Anfield. Iż-żewġ timijiet huma deskritti simili għal xulxin, bi storja fil-kompetizzjoni, it-tnejn qed ikollhom staġun pożittiv u jilagħbu futbol offensiv.
Fir-rawnd preċedenti, iż-żewġ timijiet żammew mal-aspettattiva, b’Liverpool jeliminaw lil Porto b’aggregate ta’ 6-1 filwaqt li Barcelona għaddew kontra Manchester United b’total ta’ 4-0 fuq iż-żewġ konfronti. Huma jinsabu għaddejjin minn forma pożittiva fil-kampjonati rispettivi hekk kif is-Sibt li għadda Barcelona assiguraw mir-raba’ kampjonat fl-aħħar ħames staġuni. Liverpool fuq in-naħa l-oħra baqgħu punt taħt Manchester City wara rebħa faċli fuq Huddersfield.
Il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp jittama li jkabbar is-sensiela ta’ 19-il logħba bla telfa filwaqt li t-tim ta’ Ernesto Valverde għadu qed jimmira għat-tripletta. Iż-żewġ rebħiet fuq Manchester United, komplew joħorġu kemm Barcelona huma dipendenti fuq Lionel Messi, bl-eks plejers Luis Suarez u Philippe Coutinho mistennija jmexxu l-attakk miegħu.
Ħafna huma kurjużi dwar id-dwell li Messi se jkollu quddiemu hekk kif id-difensur Virgil van Dijk kien strumentali fid-difiża ta’ Liverpool sa issa. Jekk Messi jkollu serata tajba, Barcelona għandu jkollhom lejla pożittiva u possibbilment vantaġġ li jieħdu magħhom għat-tieni leg f’Anfield.
Barcelona ma għandhomx problema ta’ plejers neqsin u mistennija jilagħbu bil-formazzjoni tipika ta’ 4-3-3 b’Sergio Busquets u Ivan Rakitic flimkien ma’ Arthur f’nofs il-grawnd. Sitwazzjoni ftit differenti għal Liverpool. Klopp irid jistenna sal-aħħar minuta fuq il-kundizzjoni fiżika ta’ Roberto Firmino, Fabinho u Adam Lallana.
Minkejja l-istorja taż-żewġ timijiet, Barcelona u Liverpool ltaqgħu biss seba’ darbiet kontra xulxin. Liverpool rebħu tliet logħbiet filwaqt li Barcelona ħarġu rebbieħa f’żewġ okkażjonijiet, iżda l-Katalani qatt ma eliminaw lil Liverpool f’kompetizzjoni Ewropea. L-aħħar konfront imur lura għall-fażi tal-aħħar 16 tal-UEFA Champions League fl-istaġun 2006/07, b’Liverpool javvanzaw bil-gowls barra minn darhom wara aggregate ta’ 2-2, bit-tim Ingliż jitlef il-finali kontra Milan.
//= $special ?>