Colette Sultana kisbet il-midalja tad-deheb fil-Logħob ta’ Arafura li qed isiru f’Darwin fl-Awstralja. Sultana li għandha 23 sena, kienet l-unika rappreżentanta ta’ Malta f’dawn il-Logħob li qed jieħdu sehem fihom aktar minn 1500 atleta minn 40 pajjiż u 17-il sport differenti.
Wara li għaddiet awtomatikament mill-ewwel rawnd, hi rebħet it-tliet rawnds li jmiss mingħajr ma tilfet logħba. Sultana għelbet lil Ashley Eckford 3-0 fit-tieni rawnd biex fis-semifinali eliminat Awstraljana oħra wkoll wara li rebħet tliet sets 14-12, 11-3 u 11-4.
Fil-finali Colette Sultana rebħet 11-8, 11-5, 11-8 kontra Chloe Chieng tal-Malasja. Dan kien l-ewwel titlu professjonali tagħha minn kemm ilha li marret Brisbane fl-Awstralja biex titħarreġ professjonalment fl-isquash f’Settembru li għadda.
Fix-xhur li jmiss, Sultana għandha aktar avvenimenti u qed titħarreġ ukoll biex tilgħab fl-Open tad-Doubles tad-Dinja f’Ġunju li ġej f’Gold Coast.
//= $special ?>