Lokali Unjoni Ewropea

Baqa’ 125,283 vot tal-Parlament Ewropew x’jitqassam

39% tad-dokumenti għadhom ma tqassmux

Minn ċifri li għandu f’idejh Net News jirriżulta li sakemm jingħalaq il-proċess ta’ tqassim tal-voti fid-djar se jkun għad hemm numru kbir ta’ dokumenti li ma tqassmux. Dan hekk kif sal-bieraħ kien għad fadal 125,283 dokument tal-elezzjonijiet Ewropej li fadal x’jitqassam – li jfisser kważi 39% tal-voti.

L-istess ċifri jindikaw li f’ċertu lokalitajiet bħal Ħal Qormi, Tas-Sliema, Wied il-Għajn, San Pawl il-Baħar, il-Mosta u Birkirkara hemm eluf kbar ta’ voti li ma tqassmux. Jidher li f’dawn il-lokalitajiet biss mat-42,000 dokument għadhom ma tqassmux fid-djar.

L-1 ta’ Mejju kienet l-anqas ġurnata li fiha tqassmu voti tal-Parlament Ewropew; madwar 17,171 dokument. Dan meta bħala medja kuljum kienu qed jitqassmu 28,000 vot.

Uffiċjali tal-partiti li qed isegwu dan il-proċess qed jilmentaw fuq nuqqas ta’ riżorsi, meta fir-realta’ it-tqassim qed isir f’xenarju ta’ żewġ elezzjonijiet nazzjonali u mhux waħda. Jidher ukoll li qed jinstabu numru ta’ dokumenti tal-Kunsilli maħruġa fuq persuni li m’għadhomx jgħixu Malta, u dan qed itellef mhux ftit il-proċess ta’ tqassim.