Basketball Sport

Gżira Athleta jassiguraw mir-rebħ tal-kampjonat bit-tielet rebħa minn tlieta fuq Hibernians

HIBERNIANS……………. 88 GŻIRA ATHLETA…………. 93

(17-20, 19-23, 21-24, 31-26)

Hibernians: R. Vella (3), P. Attard, K. Sultana, L. Farrugia (8), M. Formosa, I. Bonett, L. Tardito (14), A. Axiaq (4), A. Lizuar (37), I. Demercen, C. Cuschieri Patus (22)

Athleta: N. Vasovic, C. Crossland (15), P. Shoults, L. Stefanovic, A. Penermic, M. Gouder (26), V. Pace (25), J. Guaity (23), T. Thompson (4)

Referees: B. Vassallo, T. Mantre, I. Simic

Gżira Athleta rebħu t-tielet play-off minn tlieta biex assiguraw mir-rebħ tal-11-il kampjonat fl-istorja tagħhom. Għalkemm Hibernians urew titjib mil-logħba tal-Ħadd, ma kienx biżżejjed biex jisfurzaw ir-raba’ logħba minn possibbiltà ta’ ħamsa.

Hibernians ħassew in-nuqqas tal-veteran Matijevic filwaqt li Demercen kien imweġġa’. Il-playmaker Roderick Vella kien bogħod mill-forma fejn deher fiżikament ftit għajjien. It-tliet Amerikani ta’ Gżira Athleta flimkien ma’ Gouder kienu konsistenti fit-tliet logħbiet, iżda d-differenza prinċipali kienet li d-difiża tagħhom kienet aktar aggressiva u mobbli.

Wara bidu kwiet, Gżira Athleta fetħu vantaġġ ta’ 13-6 iżda Hibernians tjiebu biex sa tmiem is-sessjoni d-distakk niżel għal tliet punti. Hibernians ħarġu tajjeb għat-tieni sessjoni u anki marru minn fuq 23-22, sakemm reazzjoni ta’ Athleta wasslet biex reġgħu marru fuq quddiem u kkonsolidaw il-vantaġġ għal 43-36.

Wara l-mistrieħ, Hibernians pruvaw jirkupraw iżda meta waslu basket bogħod, ma setgħux iżommu r-reazzjoni ta’ Athleta li kabbru l-vantaġġ għal 10 punti. Athleta bdew l-aħħar għaxar minuti b’vantaġġ ta’ 67-57 u wara li żiedu l-vantaġġ bi tliet punti, Hibernians permezz ta’ Lizuar żiedu l-isforzi tagħhom u reġgħu kienu qrib l-avversarji.

Il-Pawlisti kellhom tliet darbiet ċans li jisfurzaw il-ħin barrani iżda tilfu l-pussess faċilment, b’Gżira jaċċertaw mir-rebħ tal-kampjonat bil-free-throws ta’ Vincent Pace.