Lokali

Il-Gvern Soċjalista mhux qed jiġġieled il-ħasil tal-flus

Rapport ieħor internazzjonali jikkonferma mill-ġdid li l-Gvern Soċjalista Malti mhux qed jiġġieled il-ħasil ta’ flus.

Skont tabella inkluża fl-EU Justice Scoreboard, in-nuqqas ta’ abbiltà tal-Gvern biex jindirizza l-problema tal-ħasil ta’ flus marret mill-ħażin għall-agħar bejn l-2016 u l-2017.

Għalkemm ftit tal-jiem ilu l-Gvern kien ħareġ jiftaħar li llum il-ġurnata aktar nies qed jemmnu li s-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna hija iktar indipendeti milli kienet fil-passat, din  it-tabella tgiddeb dak li qed tgħid il-magna ta’ Kastilja… għax filfatt turi mod ieħor.

Fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-effettività tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus hija kruċjali għall-integrità u l-istabbiltà tas-settur finanzjarju, kif ukoll kompetizzjoni ġusta fis-suq.

Bħalma ntqal mill-Fond Monetarju Internazzjonali, il-ħasil tal-flus jista’ jaffettwa l-investiment barrani kif ukoll ikollu konsegwenzi negattivi fuq il-prestazzjoni makroekonomika tal-pajjiż. Dan kollu jista’ jirriżulta f’telf tal-benesseri u tnaqqis fir-riżorsi li jiġu mill-attivitajiet ekonomiċi aktar produttivi.

Id-direttiva tal-ħasil tal-flus tesiġi li l-Istati Membri jżommu statistika dwar l-effettività tas-sistemi tagħhom għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus kif ukoll il-finanzjament terroristiku.