Ekonomija Lokali Unjoni Ewropea

Il-Kandidati għall-PE jiddiskutu l-isfidi fil-qasam tax-xogħol waqt konferenza organizzata mill-Forum

L-isfidi fil-qasam tax-xogħol u kif dawn se jkomplu jolqtu lil kull ħaddiem Malti u Għawdxi kienu diskussi waqt konferenza organizzata mill-Forum Unions Maltin, fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Jum il-Ħaddiem.

Fid-dawl  tal-fatt li ninsabu ftit jiem biss bogħod mill-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, il-kelliema ewlenin kienu l-Kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fosthom Roselyn Borg Knight u Frank Psaila f’isem il-Partit Nazzjonalista.

Fil-bidu tal-konferenza, il-President tal-Forum Marco Bonnici nnota kif diversi wegħdiet politiċi li minnhom suppost igawdu direttament il-ħaddiema, għadhom ma daħlux fis-seħħ. Fosthom, hu semma’ l-wegħda elettorali li s-sick leave jkun jista’ jintuża’ wkoll f’każ li ħaddiem ikollu xi qraba ma jifilħux.

Il-Kandidat tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg Knight qalet li l-isfida għal-leġislatur hi kif se jinstab il-bilanċ bejn il-ħaddiem u min iħaddem. Hi spjegat l-esperjenza tagħha f’xogħolha personali, fejn hi tiltaqa’ regolarment mal-perspettiva taż-żewġ naħat.

Hu għalhekk, spjegat Borg Knight, li l-Unjoni Ewropea u l-gvernijiet lokali għandhom ifittxu l-bilanċ meħtieġ.

Hi tenniet it-tħassib tagħha li bħala pajjiż, għadna lura fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fid-dinja tax-xogħol. Għaldaqstant, hi qalet li wasal iż-żmien ta’ diskussjoni serja, anke wara aktar statistika internazzjonali li qed turi din id-diskrepanza.

Roselyn Borg Knight qalet li filwaqt li tifhem l-importanza ta’ lobbying u diskussjonijiet fl-aħjar interess tal-ħaddiema, hemm bżonn aktar infurzar biex il-ġustizzja ssir b’mod tajjeb u fl-anqas żmien possibbli.

Hi rringrazzjat lill-unions għall-ħidma tagħhom, filwaqt li appellat għal aktar konsultazzjoni ħalli l-aħjar deċiżjonijiet jittieħdu b’risq il-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Min-naħa tiegħu, il-Kandidat Frank Psaila qal li rridu naraw li jkunu indirizzati problemi ewlenin li nisimgħu dwarhom ta’ spiss, bħall-isfruttar ta’ ċerti ħaddiema u anke li ż-żgħażagħ tagħna jsibu aktar xogħol u xogħol ta’ kwalità.

Kompla li hu konvint li s-sitt Membri Parlamentari Ewropej Maltin huma kapaċi jaħdmu flimkien u b’kunsens, anke fis-saħħa li għandu jkollhom il-unions matul proċess ta’ diskussjoni.

Frank Psaila qal li għad għandna l-mentalità ġenerali fil-pajjiż li post il-mara għadu fid-dar. Hu għalhekk li għandna bżonn l-edukazzjoni fil-pajjiż għax minflok, nemmen li għandna bżonn li n-nisa jkunu nvoluti aktar, anke fit-teħid tad-deċiżjonijiet.

Kompla li jekk ikun elett fil-Parlament Ewropew, se jara li flimkien mal-MEPs Maltin l-oħrajn, irid jara li l-ħtiġijiet tal-Maltin u l-Għawdxin kollha jkunu indirizzati b’metodi li jkunu vantaġġużi għalina.

Min-naħa l-oħra, jara l-bżonn li nfittxu aktar ideat biex is-snajja’ li s’issa ntilfu, jerġgħu jieħdu l-ħajja.