Lokali Saħħa

Jitwaqqaf grupp ta’ tobba Maltin favur l-abort

Numru ta' tobba Maltin - li sa issa baqgħu anonimi - jemmnu li l-abort għandu jkun legali

Doctors for Choice Malta huwa grupp ta’ professjonisti mediċi favur kura tas-saħħa riproduttiva f’Malta – grupp li twaqqaf din il-ġimgħa u li jinkludi fih tobba li jemmnu f’aċċess għall-abort b’mod sigur.

F’ Malta, l-abort huwa reat kriminali. Fi stqarrija, dawn it-tobba Maltin qalu li l-liġi “qed iċċaħħad il-mara minn awtonomija u l-jedd li tiddeċiedi fuq ġisimha stess. In-nisa huma mċaħħda mid-dritt li jfittxu kura tas-saħħa sigura u ta’ kwalita’ għolja”.

It-tobba qed jisħqu li l-kriminalizzazzjoni tal-abort ipoġġi nisa li għandhom bżonn abort f’periklu.

“Bħala tobba li naħdmu f’diversi speċjalizzazzjonijiet mediċi, il-liġi Maltija dwar l-abort hija ta’ tħassib għalina. Aħna waqqafna Doctors for Choice Malta biex nagħtu appoġġ lid-dritt li n-nisa faċilment ikollhom aċċess għal servizz komprensiv tas-saħħa riproduttiva. Għandu jkollhom il-possibilta’ li jagħmlu għażla infurmata sew fuq it-tqala tagħhom, inkluż l-għażla għal abort f’ambjent kontrollat li joffri sapport. In-nisa għandu jkollhom id-dritt għal deċisjoni aħħarija mingħajr indħil minn ħadd. Doctors for Choice Malta lesti biex naħdmu bis-sħiħ flimkien mal-koalizzjoni Voice for Choice – L-Għażla Tagħha”.