Sod, deċiżiv u ppreparat. Bla dubju li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħareġ tassew konvinċenti waqt l-ewwel dibattitu mal-Prim Ministru Joseph Muscat, dibattitu li sar ftit ġimgħat biss qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali wara li Adrian Delia kien ilu jisfida lil Muscat biex jiddibattitu wiċ imb’wiċċ.
Dibattitu li fih deher biċ-ċar kif Adrian Delia għandu pjan għal diversi problemi li qed jaffaċċja l-poplu Malti u Għawdxi. Fost oħrajn dwar it-tkabbir tal-popolazzjoni, fejn Adrian Delia spjega l-viżjoni li f’pajjiżna jiġu haddiema li jkunu eliġibbli u ta’ kwalità flok barranin biċ-cheap labour.
Tant hu hekk, li għall-mistoqsija ta’ Adrian Delia, Joseph Muscat ma weġibx jekk il-Gvern tiegħu qattx għamel studju dwar kemm pajjiżna jiflaħ f’termini ta’ popolazzjoni. Minflok, reġa’ semma’ li kien wiegħed il-pushback u ddikjara li jrid il-barranin biex jaħdmu fuq barra fix-xemx u jaqsmu darhom huma, minflok il-Maltin. Xi ħaġa li għaliha rribatta Adrian Delia, li qal li Joseph Muscat irid biss soċjetà klassista.
Mistoqsi jekk il-pagi tal-Maltin hux biżżejjed biex ilaħħqu mal-ħajja, Muscat iddikjara li ż-żieda mhux biżżejjed.
Dwar il-mina bejn Malta u Għawdex, waqt li l-Oppożizzjoni, bħall-NGOs għadha qed tistenna li jiġu ppubblikati l-istudji, Muscat jammetti li din se toħloq problemi b’mod speċjali għar-residenti tal-Manikata imma reġa’ kkonferma li se jkompli bil-pjani tiegħu akkost ta’ kollox.
Dwar il-problema tat-traffiku ukoll ħarġet differenza ċara. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista jindirizza s-sitwazzjoni billi jagħmel il-kontra tal-Gvern Soċjalista, “li qed iżid il-popolazzjoni bl-addoċċ, fl-istess waqt li japprova pompi tal-petrol f’żoni ODZ. Minflok, Gvern Nazzjonalista jara li s-servizz tat-trasport pubbliku jkun effiċjenti kif ukoll il-ħolqien ta’ trasport għall-massa.
Għall-kuntrarju Muscat jammetti li għandna wisq karozzi jħammġu, imma m’għandux soluzzjoni. “L-ikbar problema tal-emissjonijiet huma l-karozzi,” iddikjara Muscat, li rrepeta dak li kien diġa qal, li “għal trasport tal-massa, pajjiżna jrid popolazzjoni ferm ikbar inkella jkollna taxxi ogħla.”
Minflok ta soluzzjoni dwar il-problema tat-traffiku, Muscat ried is-soluzzjonijiet mingħand Adrian Delia għaliex qal li l-uniċi għażliet li jifdal hu li ma jingħatawx liċenzji liż-żgħażagħ ta’ 18-il sena, imma dawk ta’ 21, li jkun limitat min jixtri l-karozzi jew meta jkunu jistgħu jintużaw.”
Adrian Dellia rribatta billi qal li minflok, Gvern Soċjalista messu jindirizza l-problema tal-korruzzjoni, li tiswa’ lil ajjiżna iktar minn €700 miljun, u biha tinħoloq is-sistemà ta’ trasport tal-massa.”
Meta kienu qed jiddiskutu l-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju, Adrian Delia fakkar li din mhix elezzjoni ġenerali imma opportunità li l-poplu Malti jiddeċiedi min irid jirrapprezentah fuq livell Ewropew. U vot importanti anke fuq livell ta’ Kunsilli Lokali.
“Kunsilli Lokali hallejnielom il-flus,” iddikjara Muscat. Dan meta kien il-Gvern Soċjalista li ħa miljuni minn numru ta’ Kunsilli Lokali mingħajr konsultazzjoni u mingħajr lanqas biss infurmahom biex isir parkeġġ fl-Università.
Adrian Delia fakkar kif huwa biss fl-Imdina li mhux se ssir elezzjoni hekk kif il-Partit Laburista m’għandux biżżejjed kandidati waqt li l-Gvern waqqaf l-elezzjoni milli ssir u naqqas poteri tal Kunsilli Lokali matul dawn l-aħħar snin.
Fuq livell Ewropew, u b’mod mill-aktar preparat u konvincenti, Adrian Delia kkritika lill-Gvern Soċjalista Malti li qed jagħmel ħsara lil pajjiżna billi jippersisti bil-ħażin li għamel meta naqas milli jieħu azzjoni fuq Keith Schembri u Konrad Mizzi fl-istess waqt li ħataf l-istituzzjonijiet.
Xi ħaġa li Joseph Muscat ipprova jirridikola
Joseph Muscat naqas milli jwieġeb ukoll għaliex ma ħax passi fuq Keith Schembri u Konrad Mizzi dwar kumpaniji sigrieti …li bħala fatt huma tagħhom.
Muscat prova jghid li ha passi. Meta kulhadd jaf li Konrad Mizzi ħa promozzjoni u spiċċa jaħdem bieb ma’ bieb miegħu f’Kastilja waqt li Keith Schembri għadu Chief of Staff tiegħu.
Dan meta Joseph Muscat lanqas biss irid li r-rapport Egrant jiġi ppubblikat.
Fi tmiem id-dibattitu, Adrian Delia ddikjara li poplu għandu għażla ċara bejn min dejjem emmen fil-Kunsilli Lokali u kellu ħolma li Malta tkun Ewropea, u min dejjem kien kontra Ewropa u pprova jxejjen il-Kunsilli Lokali.