Lokali

Jinġabru €525,078 fil-maratona ġbir ta’ fondi tal-PN

Is-somma finali fil-maratona ġbir ta’ fondi li saret f’Jum il-Ħaddiem kienet ta’ €525,078, somma rekord f’dan iż-żmien tas-sena. Is-somma tħabbret mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fi tmiem il-maratona.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jħabbar is-somma finali

Il-maratona, bit-tema “Flimkien għal Pajjiżna” saret matul il-ġurnata tal-Erbgħa bil-għan li jinġabru fondi biex tkun finanzjata l-kampanja elettorali għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Aktar kmieni f’intervista matul il-maratona, il-Kap tal-PN Adrian Delia sostna li l-Partit Nazzjonalista hu l-vettura li qed iddur madwar Malta u Għawdex biex titwassal il-vuċi tal-poplu. Hu għalhekk importanti li l-Partit ikollu l-fondi biex din il-ħidma tibqa’ għaddejja u saħansitra tissaħħaħ aktar.

Hu qal li b’din il-Maratona, il-poplu se jkun qed jgħin lill-Partit Nazzjonalista biex isaħħaħ il-vuċi tiegħu.

Dan f’ġurnata li fiha fakkarnau żewġ avvenimenti partikolari: l-anniversarju mis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, fejn nafu li nistgħu nagħmlu aktar fl-Unjoni Ewropea, u l-Festa ta’ Jum il-Ħaddiem għax il-ħaddiem jibqa’ f’qalb il-Partit Nazzjonalista.

Min-naħa tagħhom, fit-tnedija tal-Maratona Ġbir ta’ Fondi, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli u t-Teżorier tal-Partit David Camilleri qalu li l-Partit Soċjalista Malti għandu l-appoġġ tal-Gvern fix-xandir tal-messaġġ tiegħu, filwaqt li l–unika għajnuna tal-Partit Nazzjonalista hi mill-poplu, li jrid iwassal messaġġ lill-Gvern ta’ Joseph Muscat li jrid Malta Nadifa.

Huma fakkru li l-Partit għandu bżonn il-flus biex iwassal il-messaġġ tiegħu u mhux beħsiebu jonfoq aktar mill-flus li jinġabru f’din il-Maratona.