Lokali

Malta fit-tieni post għall-ikbar ammont ta’ tfal b’piż eċċessiv

Hi biss Spanja, minn fost 21 pajjiż studjat, li taqbeż lil Malta f’lista tal-ikbar ammont ta’ tfal li jbatu mill-obeżità.

Dan joħroġ minn studju li sar mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), li sab kif f’Malta wieħed isib 17.2% tat-tfal li għandhom piż eċċessiv. Fi Spanja l-ammont jitla’ għal 17.7%.

L-istudju kien preżentat waqt il-Kungress Ewropew dwar l-Obeżità organizzat
mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u li sar fi Glasgow, ir-Renju Unit, fl-aħħar jiem.

Mill-istudju joħroġ ukoll il-bżonn li t-tfal jirċievu l-ħalib naturali tal-omm fl-ewwel snin tagħhom. Dan hekk kif fl-Italja, Malta u fi Spanja nstab l-ikbar ammont ta’ tfal li huma obeżi minn fost dawk li qatt ma ħadu ħalib naturali.

“Iktar ikun twil il-perjodu fejn tifel jew tifla jieħdu l-ħalib permezz ta’ breastfeeding ikbar tkun il-protezzjoni u l-prevenzjoni għall-obeżità,” iddikjara wieħed mid-diretturi tal-WHO, Bente Mikkelsen.

Minn fost dawk studjati f’Malta, instab li għandna l-ogħla persentaġġ ta’ tfal li jitwieldu b’piż baxx (10.2%).

Instab ukoll li 35% tat-trabi Maltin qatt ma ħadu ħalib naturali tal-omm u li hi biss tarbija waħda minn kull erbgħa li ħadet ħalib naturali tal-omm għal mill-inqas sitt xhur.

It-tfal f’Malta u l-Italja jikklassifikaw ukoll fl-ewwel post (b’21.2%) fejn wieħed isib l-ikbar prevalenza ta’ obeżità fost it-tfal li qatt ma rċevew ħalib tal-omm.