Piż ġdid fuq il-familji hekk kif Maltapost, il-kumpanija tal-posta lokali, talbet li l-prezz tal-posta jiżdied.
Il-proposta tressqet quddiem l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni bħala parti minn reviżjoni fil-prezzijiet tal-posta normali kif ukoll dik għal oġġetti ikbar.
L-iktar servizz popolari offrut mill-Maltapost, jiġifieri l-posta tal-ittri u posta li ma taqbiżx il-piż ta’ 50 gramma, hu propost li jiżdied b’4 ċenteżmi matul din is-sena, bi 3 ċenteżmi oħra matul is-sena d-dieħla u bi 3 ċenteżmi oħra fl-2021.
Dan ifisser li persuna li kienet tħallas 26 ċenteżmu biex timposta ittra, sa tliet snin oħra se jkollha tibda tħallas 36 ċenteżmu – 10 ċenteżmi iktar minn dak fil-preżent. Jekk oġġett jiżen bejn 51 u mitt gramma, Maltapost qed titlob żieda ta’ 29%, jew 12-il ċenteżmu iktar.
Għal oġġetti li jiżnu iktar, bejn 151 u 200 gramma, il-familji Maltin se jaraw il-prezz jirdoppja minn 82 ċenteżmu għal €1.85 sal-2021.
Se jintlaqtu wkoll dawk li jużaw il-posta għal diversi oġġetti f’daqqa, jiġifieri s-servizz tal-bulk għal iktar minn 50 oġġett tal-istess daqs, fejn Maltapost qed titlob żieda ta’ 25% fuq il-prezz attwali għal oġġetti li jiżnu sa 50 gramma u żieda ta’ 11% fuq oġġetti bejn il-51 u l-mitt gramma.
Iż-żidiet proposti issa jiddependu minn deċiżjoni tal-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni, b’Maltapost tiddikjara li ilha snin tagħmel it-telf minħabba żidiet fl-ispejjeż relatati mal-impjegati u fatturi oħra bħall-inflazzjoni.
Din hi żieda oħra li, jekk aċċettata, tkompli tagħfas lill-familji Maltin wara żidiet f’diversi prodotti fosthom il-ħobż, pastizzi, il-prodotti tal-ħalib bħall yoghurt, irkotta, mozzarella u l-ġbejniet kif ukoll il-patata.Żidiet li, kif konfermat mill-NSO, wasslu biex il-prezzijiet f’Malta komplew tilgħin f’xejra kostanti li ilha għaddejja 12-il xahar u li kompliet f’Marzu b’mod partikolari minħabba żieda fil-prezzijiet tat-take away.
//= $special ?>