Futbol Sport

Agius jgħid li logħba kontra Ħamrun se sservi bħala lezzjoni u Sanderra jsostni li Hibernians mhux favoriti

(Ritratt: Joe Borg)

Il-gowl ta’ Donneil Moukanza fit-93 minuta ċaħħad lil Valletta milli jirbħu l-25 kampjonat filwaqt li ta opportunità lil Hibernians li jirbħu t-13-il kampjonat wara r-rebħa kbira fuq Balzan. B’hekk iż-żewġ timijiet se jerġgħu jiltaqgħu biex ikun deċiż ir-rebbieħ tal-kampjonat f’din l-għaxar decider fl-istorja tal-kampjonat lokali.

Bilanċ assolut fiż-żewġ konfronti tal-kampjonat. Fl-ewwel rawnd kienu Hibernians li dawru telfa f’rebħa b’żewġ gowls lejn it-tmiem ta’ Taylon Marcolino u Andrei Agius li kkanċellaw il-gowl ta’ Miguel Alba. Fit-tieni rawnd li kienet aktar kontroversjali, Valletta rebħu 2-1 ukoll bil-gowl rebbieħ ta’ Miguel Alba minn penalty. Tiago Fonseca kien poġġa lil Hibernians minn fuq fil-bidu, b’Santiago Malano jġib id-draw kmieni fit-tieni taqsima.

F’konferenza stampa qabel il-logħba, il-kowċ ta’ Valletta Gilbert Agius qal li qatt ma għadda minn moħħu li bħala kowċ se jkun qed imexxi lit-tim għal din il-partita. Hu għamel paragun mal-istaġun li għadda hekk kif Valletta kisbu l-istess punti tal-istaġun li għadda u kompla li mhux faċli li tim jirrepeti staġun bħal dak li għadda.

Fil-karriera tiegħu bħala plejer, Gilbert Agius lagħab diversi logħob ta’ dan it-tip iżda jqis differenza f’dan il-konfront minħabba li hu kowċ. “Bħala plejer tiffoka fuq il-prestazzjoni tiegħek personali filwaqt li bħala kowċ tiffoka aktar fuq it-tim. Jien waqt it-taħriġ niddiskuti ma’ kulħadd x’inhu imma nasal għal deċiżjoni.” Agius sostna li minkejja li l-gowl ta’ Ħamrun kien ta’ diżappunt, jemmen li jistgħu jitgħallmu minn dak li ġara biex isservi ta’ lezzjoni għal din il-partita deċiżiva.

Gilbert Agius se jkollu żgur neqsin lil Joseph Zerafa u Raed Saleh li huma sospiżi, b’Agius mingħajr ma jiżvela, jgħid li hemm xi plejers oħra li se jkollhom eżami mediku biex jaraw il-kundizzjoni tagħhom. Mistoqsi dwar dawn in-nuqqasijiet, Agius qal li “la mhux inklużi fl-iskwadra mhux importanti għal din il-logħba.”

Stefano Sanderra qal li din il-logħba hi ġusta li tintlagħab minħabba li l-kampjonat li kellhom iż-żewġ timijiet. “Jekk wasalna sa hawn jiġifieri għandna xi ħaġa tajba wkoll. Irridu nkunu magħqudin għaliex se tkun diffiċli.” Il-kowċ ta’ Hibernians qal li huma jibdew mhux favoriti u saħaq li biex joħorġu rebbieħa jridu jkunu aktar perfetti filwaqt li Valletta ma jkunux fl-aħjar forma.

“Jekk taħseb li int tim b’saħħtek, tbaxxi l-konċentrazzjoni. Irridu nagħmlu ħafna xogħol difensiv u rridu nkunu dixxiplinati. Minbarra Jurgen Degabriele, Sanderra qal li hemm Marcelo Dias ftit dubjuż iżda mistenni jilgħab, bil-kumplament tal-iskwadra tinsab għad-dispożizzjoni.

Il-captain ta’ Valletta Jonathan Caruana qal li l-logħba kontra Ħamrun għaddiet u li ġara jitħalla fil-passat u żied li d-decider se tintlagħab bejn l-aqwa żewġ timijiet fil-kampjonat.

Bjorn Kristensen fuq in-naħa l-oħra qal li l-pressjoni hi parti mil-logħba u kompla li huma se jagħtu l-100% biex jiksbu l-unur. Il-captain ta’ Hibernians ilu parti mit-tim għal diversi snin u saħansitra lagħab l-aħħar decider milgħuba kontra Birkirkara fl-2013. Mistoqsi x’jemmen li għandu speċjali dan it-tim, Kristensen qal li l-għaqda għaliex it-tim hu aktar żagħżugħ u nbena f’dan l-istaġun.