Lokali

Bl-insib, il-Gvern waqa’ offside – Alfred Sant

Meta l-Gvern Laburista fetaħ l-istaġun tal-insib, minkejja d-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, il-Gvern waqa’ offside u ma kienx hemm is-sistema tal-VAR.

Kliem l-eks Prim Ministru u eks Mexxej Laburista Alfred Sant, li llum hu l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew. Sant hu wkoll wieħed mill-Kandidati fuq il-lista tal-Partit, imbuttat mill-Prim Ministru Joseph Muscat

Il-VAR li rrefera għaliha hi s-sistema teknoloġika mdaħħla fl-aħħar xhur mill-ogħla kampjonati tal-futbol internazzjonali biex ir-Referee jkollu aktar għajnuna fid-deċiżjonijiet it-tajba.

U meta mistoqsi x’kien jiġri li kieku kien hemm il-VAR, l-eks Mexxej Laburista qal li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kienet tkun kapaċi taqbad l-offside minnufih.

Il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew kien fost għadd ta’ Kandidati oħrajn li pparteċipaw f’Business Breakfast organizzat mill-BirdLife Malta.

F’isem il-Partit Nazzjonalista attendew u pparteċipaw il-Kandidati Peter Agius u Frank Psaila, li f’aktar minn darba appellaw għal diskussjoni serja u matura bejn persuni u għaqdiet bħall-BirdLife u l-Kaċċaturi u n-Nassaba.

F’dan il-kuntest, Peter Agius qal li ma rridux inħallu li l-kaċċa u l-insib jibqgħu suġġetti ta’ konfrontazzjoni fil-pajjiż. Spjega li anke fi ħdan il-Kaċċaturi u n-Nassaba stess hemm ħafna li jridu l-ġid u jridu josservaw l-Ambjent u l-għasafar.

Peter Agius kompla li ma rridux naqtgħu qalbna li xi darba naslu għal meta l-BirdLife, il-Kaċċaturi u n-Nassaba jiddiskutu flimkien. Filwaqt li appella għall-politika li ssib it-triq tan-nofs, qal li jekk ikun elett fil-Parlament Ewropew, irid jiddefendi l-aġenda Ambjentali b’mod sostenibbli għal kulħadd.

Min-naħa tiegħu, Frank Psaila qal li ma jistax ikun li mmorru minn estrem għall-ieħor. Għax filwaqt li mhux xieraq li jsir qtil bl-addoċċ, lanqas ma jista’ jinqatel delizzju li ilu magħna għal eluf ta’ snin.

Kompla li pajjiżna m’għandu l-ebda pjan sostenibbli fit-tul. U wieħed faċli jara dan meta jħares lejn l-iżvilupp. Hu għalhekk li fil-Parlament Ewropew irid iħares lejn iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ pajjiżna.