Futbol Sport

Eliminazzjoni kiefra fuq Mosta

MOSTA…………….. 1 BIRKIRKARA……………… 2

Mosta: Y. Moto, B. Jnohope, T. Farrugia, R. Morisco, D. Bonnici, G. Cuomo (K. Frendo 78’), D. Imeri, R. Ekani (K. Zammit 86’), D. Xuereb, J. Brincat (A. Vella 65’), A. Roach

Birkirkara: A. Hogg, C. Attard, N. Vukanac, E. Ferreira, C. Failla, T. De Souza (L. Montebello 72’), T. Agius, J. Bezzina, M. Vella (K. Zammit 86’), M. Mifsud, J. Pereira da Silva (D. Chapoval 82’)

Imwissi: D. Imeri 94’ (M)

Tkeċċa: Y. Moto 64’ (M)

Skorjaw: M. Mifsud 39’, B. Jnohope 74’ o.g (B), A. Roach 53’ (M)

Referee: Philip Farrugia/Mario Apap

Assistenti Referees: Paul Apap, Thomas Debono

Attendenza: 504

Awto-gowl fl-aħħar kwarta kkundanna lil Mosta u tefa’ lil Birkirkara mal-aħħar erbgħa tal-FA Trophy. Ir-riżultat finali hu kiefer mal-Mostin li taw daqs kemm qalgħu u f’mumenti minnhom saħansitra kienu aħjar mill-avversarji. Din ir-rebħa tkabbar it-tama ta’ Birkirkara li jirbħu l-kompetizzjoni u jikkwalifikaw għall-Ewropa. Fis-semifinali jilagħbu kontra Balzan.

Birkirkara kienu l-ewwel li ttantaw xortihom wara tliet minuti b’xutt fil-baxx ta’ Michael Mifsud li kien salvat minn Yves Moto. Mosta heddew li jiftħu l-iskor fl-10 minuta bi free-kick b’saħħtu ta’ Rafael Morisco li kien blokkat minn Andrew Hogg. Il-Mostin kienu sfortunati li ma marrux fil-vantaġġ fit-18-il minuta meta Dexter Xuereb irċieva passaġġ fl-ispazju u minn pożizzjoni tajba għeleb lil Hogg iżda ġie mċaħħad mill-wieqfa.

Mosta komplew juru l-aħjar logħob u fl-24 minuta reġa’ marru qrib il-gowl, l-ewwel minn korner ta’ James Brincat indirizzat fil-lasta li kien blokkat parzjalment, biex fl-istess azzjoni kellu jkun Hogg li salva tajjeb xutt fil-baxx ta’ Rafael Morisco. Johann Bezzina prova fuq in-naħa l-oħra fit-38 minuta b’azzjoni personali u b’xutt fil-baxx minn pożizzjoni ċentrali li għadda ftit barra. Iżda ftit sekondi wara, Birkirkara fetħu l-iskor meta Johann Bezzina qassam lejn MICHAEL MIFSUD għeleb lil Moto b’xutt fil-baxx minn qagħda ideali fil-kaxxa. Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Bezzina reġa’ prova b’xutt ieħor din id-darba indirizzat fil-lasta, iżda Moto kien attent u dawwar f’korner.

Johann Bezzina kompla jispikka fit-48 minuta b’azzjoni personali iżda Moto ħareġ jimblokka b’mod preċiż biex ftit sekondi wara, Jorge Pereira da Silva tefa’ kross tajjeb lejn Michael Mifsud li inkredibbilment xeħet barra minn quddiem il-lasta. Iżda fl-ewwel attakk denju tagħhom fit-tieni taqsima, Mosta ġabu d-draw fit-53 minuta. Kien passaġġ vertikali fl-ispazju ta’ Rodrigues Ekani lejn AKEEM ROACH li qabeż lil Hogg u skorja għadda l-ballun bejn il-wieqfa u żewġ plejers avversarji.

Il-logħba ħadet xejra differenti fl-64 minuta meta r-referee Mario Apap keċċa b’karta ħamra diretta lill-gowlkiper Yves Moto għal fawl barra l-kaxxa fuq Pereira da Silva, b’Mosta jipprotestaw minħabba li kien hemm aktar plejers wara l-gowlkiper Mosti. John Buttigieg daħħal lil Luke Montebello biex iżid aktar saħħa fl-attakk u l-bidla ħalliet l-effett hekk kif Birkirkara skorjaw il-gowl tar-rebħa żewġ minuti wara. Kien kross fil-baxx mil-lemin ta’ Michael Mifsud għan-nofs, bil-ballun jaħbat ma’ Bob Jnohope u baqa’ dieħel fix-xibka.

Lejn it-tmiem, Mosta tefgħu kollox fuq l-attakk u anki ssugraw li jsofru l-gowl f’aktar minn okkażjoni waħda, iżda Michael Mifsud kellu żewġ tentattivi li għaddew barra, b’Vella jsalva fuq Montebello.