Lokali

Il-Partit Soċjalista tilef ir-ruħ soċjali u nesa lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

Il-Partit Soċjalista li suppost li huwa l-partit tal-ħaddiema tilef ir-ruħ soċjali u nesa’ lill-ħaddiema.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività politika f’Tas-Sliema bit-tema Flimkien għal Pajjiżna.

Adrian Delia qal li l-Gvern Soċjalista mhu qed jagħmel xejn meta l-istatistika turi li l-ħaddiema f’Malta raw l-inqas żieda fil-pagi fost il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Dan meta hawn 72,000 persuna li jinsab fix-xifer tal-faqar. Huwa qal li l-Gvern Soċjalista qed ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni flok bil-produzzjoni u minkejja li l-ekonomija qed tikber 64% tal-ħaddiema Maltin qed jaqilgħu inqas. C

Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern Soċjalista mhux qed jinvesti b’serjetà fl-edukazzjoni, l-istudenti u l-għalliema. Dan meta l-istatistika turi li sfortunatament f’Malta għandna t-tieni l-għola rata ta’ early school leavers, l-għalliema qed jaffaċċajaw diffikultajiet kbar u t-tfal qed jieħdu t-tagħlim tagħhom fil-kontejners.

Adrian Delia qal li bla mistħija l-Gvern Soċjalista jgħid li hawn is-saltna tad-dritt meta nbiddlu ħames kummissarji u ħataf l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna fosthom lill-Avukat Ġenerali. Dan meta rapporti internazzjonali u Ewropej jgħidu li l-poter kollu jinsab f’idejn il-Prim Ministru u jwarrab ir-rakkomandazzjoni li għamlulu l-Kummissjoni Venezja u tal-Greco u jibqa’ jaħtar maġistrati u imħallfin ġodda biex jaħtaf il-ġudikatura.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li meta l-Prim Ministru jgħid li l-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju hija bejn Adrian Delia u Joseph Muscat jkun qed juri li m’għandux fiduċja fil-kandidati tal-partit tiegħu bħalma l-kunsilli lokali qatt ma kienu s-‘super favoriti’ għalih. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista għandu fiduċja sħiħa fil-kandidati kollha tiegħu u jemmen li jistgħu jagħmlu l-ġid għall-Maltin u l-Għawdxin kemm fil-Parlament Ewropew kif ukoll fil-lokalitajiet.C

L-Attivita’ kienet indirizzata wkoll mill-MEP u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola kif ukoll is-Sindku u kandidat għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema Anthony Chircop.

Fl-intervent tagħha, Roberta Metsola ikkundannat id-diskors ta’ stmerrija li wera Muscat fil-konfront ta’ kull min li jagħmel xogħol tl-id. Qalet li kull xogħol għandu valur u d-dinjita’ tiegħu filwaqt li Muscat għamel diskors ta’ klassista li qed jara lin-nies dubbien.Min-naħa tiegħu Anthony Chircop qal li l-Kunsill Lokali f’Tas-Sliema irnexxielu jagħmel diversi proġetti u ħidmiet b’risq ir-residenti tal-lokalita’; u dan minkejja l-bsaten fir-roti mill-Gvern. Hu wiegħed li jekk ikunu konfermati mir-residenti, il-Kunsillieri ta’ Tas-Sliema ikomplu bl-istess ritmu ta’ xogħol.