Il-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li jistaħba wara l-Kap tal-Komunikazzjoni tiegħu minflok ma jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti.
Għax jumejn wara li uża l-binja ta’ Kastilja biex ħareġ għall-mass meeting tal-Partit Laburista, il-Ġimgħa Muscat kellu laqgħa ma’ Michel Barnier, in-Negozjatur Ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-kwistjoni tal-Brexit.
Fi tmiem din il-laqgħa, u tliet kwarti wara l-ħin stipulat fis-sejħa għall-media, Muscat u Barnier spjegaw fi ftit sentenzi l-aħħar żviluppi f’din il-kwistjoni. Wara biss żewġ mistoqsijiet, Michel Barnier kien lest għal aktar mistoqsijiet, iżda l-Prim Ministru rringrazzja lill-media u ħareġ ‘il barra … segwit mill-mistieden.
Din il-mossa tant kienet mgħaġġla li, għall-kuntrarju tal-bidu tal-konferenza tal-aħbarijiet, fl-aħħar il-Prim Ministru ma baqax jistenna lil Barnier biex joħroġ miegħu. Minflok, il-ġurnalisti sabu ma’ wiċċhom lill-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru Kurt Farrugia, li qal li kien hemm qbil mad-delegazzjoni Ewropea għal żewġ mistoqsijiet biss.
Madankollu, dan ma jidhirx li kien il-każ, tant li Barnier baqa’ jistenna aktar mistoqsijiet qabel ma dahal jinterrompi l-Prim Ministru.
Kurt Farrugia qal ukoll li din hi prassi ma’ politiċi Ewropej oħra, iżda lanqas dan ma hu minnu. Fil-fatt, il-politiċi Ewropej huma mdorrija li f’konferenza tal-aħbarijiet bħal din ikollhom mistoqsijiet mill-media kollha preżenti u interessata li tistaqsi.
Mhux ċar minn xhiex qed jaħrab il-Prim Ministru … u jekk hux qed jipprova jevita milli jwieġeb dwar id-dibattitu tal-Ħamis mal-Kap tal-Oppożizzjoni, jew il-fatt li pajjiżna tilef 12-il punt fl-Indiċi tal-Liberta’ tal-Istampa jew minħabba xi kwistjonijiet oħra li qed iġiegħluh iħossu skomdu.